20 persuna maqtulin. Dan seħħ fl-aħħar sigħat f’sit li fih jinġabru l-Palestinjani biex jingħataw l-ikel. Sit li hu mmexxi minn fondazzjoni li twaqqfet bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael. Jinqatlu f’ċentru għad-distribuzzjoni tal-ikel f’Khan Younis.
Sitwazzjoni tal-biki. Ċentri u żoni ta’ distribuzzjoni tal-ikel li mhux biss qed jumiljaw lil dawn il-persuni bil-ġuħ imma faċilment tista’ tqabbilhom ma’ kampijiet ta’ konċentrament. Xi wħud qed jiddeskrivuhom bħala ‘nases tal-mewt’.
U x’sitwazzjoni għandna f’Gaża bħalissa? Jekk wieħed jieħu x’tgħid l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati isib li hemm wieħed minn kull għaxar t’itfal li qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ nutrizzjoni. L-attakki minn Iżrael fuq Gaża, qegħdin ikomplu jaggravaw il-kwistjoni tal-ġuħ. Din id-darba għandna sitwazzjoni mhux ta’ nuqqas ta’ ġuħ li ġiet ikkawżata minħabba n-natura, imma hu l-bniedem stess li qed joħloq kriżi ta’ ġuħ fuq nies oħra.
Illum għandna sitwazzjoni fejn l-attakki ta’ Iżrael fuq Gaża ħallew kważi 60,000 persuna bla ħajja. Hemm kważi 140,000 persuna feruti.
U llum fuq dak li qiegħed jiġri f’Gaża għandna rapport elaborat. Rapport miktub mir-rapporteur speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Francesca Albanese, intitolat “Minn Ekonomija ta’ Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju”.
Rapport li jitkellem b’mod ċar kif l-attakki qegħdin iwasslu biex kumpaniji u korporazzjonijiet ikabbru l-profitti waqt li jiżdiedu l-imwiet. Sa issa ħafna gvernijiet inkluż dawk Ewropej baqgħu ma esprimewx ruħhom dwar dan ir-rapport. Ġie ppreżentat ftit jiem ilu imma sa issa intlaqa’ biss bi skiet.
Ir-rapport jispjega b’mod ċar kif il-profitti ta’ kumpaniji kbar qegħdin ikomplu jiżdiedu, waqt li aktar katavri Palestinjani qed jispiċċaw fil-kmamar mortwarji, oqbra tal-massa, jew imxerrdin fit-toroq ta’ Jabaliya u Khan Younis. Jitkellem dwar il-poter u jiddikjara li dan il-“poter” mhux biss inkorporat minn Iżrael jew saħansitra mill-Istati Uniti, iżda minn komunità internazzjonali li r-rilevanza kollettiva tagħha traġikament falliet milli twaqqaf il-ġenoċidju li għaddej f’Gaża.
L-aħħar rapport tagħha, Mill-Ekonomija tal-Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju, ippreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ftit jiem ilu, joħloq terremot. Jimplika bla heda kumpaniji li mhux biss ħallew lil Iżrael isostni u jestendi l-gwerra u l-ġenoċidju tiegħu kontra l-Palestinjani, iżda wkoll jikkonfronta lil dawk li baqgħu siekta quddiem dak li qed iseħħ.
Hi sitwazzjoni li turi fallimenti sħaħ. Turik għaliex il-kunflitt baqa’ għaddej. Mhux għax ħadd ma kien konxju li hemm min qiegħed jagħmel il-profitti minn fuq it-tbatija kbira li għaddejjin minnha l-Palestinjani.
Dak li qiegħed jiġri jurik il-falliment tan-Nazzjonijiet Uniti. Falliment li issa ilha għaddej għal diversi xhur. Jurik il-falliment tal-Unjoni Ewropea. Jurik fuq kollox kemm hi kbira l-pressjoni li hemm biex il-kunflitt jibqa’ għaddej.
Traġedja umana li fiha jispikka is-skiet. Gvernijiet Ewropej u oħrajn madwar id-dinja siktin għal kollox fuq dak li għaddej.
U allura issa r-rapport qiegħed jappella liċ-ċittadini u lill-għaqdiet non governattivi. Jappella biex tittieħed pożizzjoni morali u tikkonfronta lil dawk li għamlu l-ġenoċidju possibbli. “L-isforzi kummerċjali li jippermettu u japprofittaw mill-qerda tal-ħajjiet ta’ nies innoċenti għandhom jieqfu,” jiddikjara r-rapport, filwaqt li jitlob b’mod ċar li “l-entitajiet korporattivi għandhom jirrifjutaw li jkunu kompliċi fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti internazzjonali jew li jinżammu responsabbli.”
X’se jiġri minn dan ir-rapport irridu nistennew. Fuq kollox irridu naraw kemm se tkun qawwija r-reazzjoni biex jitwettaq dak li qed isejjaħ dan ir-rapport u jintemm dan il-kunflitt imdemmi.