Sunday, December 22, 2024

L-eks deputat Silvio Parnis jingħata Ġieħ ir-Repubblika xhur wara mewtu

Aqra wkoll

L-eks Membru Parlamentari Silvio Parnis ingħata Ġieħ ir-Repubblika. Parnis twieled fl-1965 u kien politiku mal-Partit Laburista.

Huwa serva bħala membru parlamentari mill-1998 sal-2022. Bejn l-1994 u l-1998 serva bħala sindku ta’ Raħal Ġdid u ġie elett fil-parlament fl-1998, 2003, 2008, 2013 u fl-2017. Parnis għamel mill-politika missjoni sabiex jgħin lil persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Huwa rnexxielu jgħaqqad is-servizz politiku mal-kawża soċjali, b’kuntatt man-nies il-ħin kollu u b’ħidma biex itejjeb il-qagħda ta’ bosta familji u ħaddiema.

Il-ħidma politika ta’ Parnis kienet ibbażata fuq il-qagħda soċjali tal-komunità, l-aktar f’dak kollu li huwa marbut mal-għixien tan-nies, l-għajnuna soċjali, l-għożża tal-anzjani u l-akkomodazzjoni, fost oħrajn. Parnis uża wkoll ix-xandir bħala għodda sabiex jgħin lin-nies. Fil-fatt huwa kien xandar fuq it-televiżjoni u r-radju għal bosta snin fuq stazzjonijiet differenti.

Hawn ukoll għamel ħiltu sabiex jaħdem u joħloq kuxjenza fuq kawżi soċjali fis-soċjetà Maltija. Matul dawn ix-xandiriet kien jagħti l-opportunità lin-nies isemmgħu leħinhom, iżda fuq kollox kien jagħmel mezz kif iħeġġeġ lin-nies jagħmlu differenza bil-fatti filħajja ta’ min għandu bżonn.

Wara l-elezzjonijiet tal-2017, Parnis kien inħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet u wara, bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità.

Huwa baqa’ sal-aħħar ta’ ħajtu jgħin lil min hu fil-bżonn sakemm miet fit-3 ta’ Jannar fl-2023.

Ekonomija

Sport