Maġistrat nieda investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-eks-Kummissarju tal-Pulizija Lawence Cutajar dwar l-allegat involviment tiegħu fil-ħruġ ta’ informazzjoni fil-każ Daphne Caruana Galizia.
L-Avukat Jason Azzopardi għamel it-talba fi tmiem is-seduta tal-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
It-tim legali ta’ Fenech esprima lilu nnifsu favorevoli mat-talba li saret minn Azzopardi. L-Ispettur Keith Arnaud qal li diġà kien hemm investigazzjoni dwar allegat ħruġ ta’ informazzjoni mill-investigazzjoni.
Intant aktar kmieni llumJohann Cremona, is-sieħeb fin-negozju ta’ Fenech qal li Cutajar allegatament kien informa lil Melvin Theuma, l-allegat middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, li l-Europol kienu konxji tal-konverżazzjonijiet rekordjati bejnu u Fenech, u kien anke talab lil Theuma biex jismagħhom qabel l-arrest tiegħu.
Cremona qal li Cutajar kien anke informa lil Theuma dwar investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus.
Cutajar tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija aktar kmieni din is-sena. Huwa kien fil-mira ta’ kritika ħarxa minn attivisti li kienu jakkużawh li naqas milli jiffaċċja kwistjonijiet ta’ korruzzjoni.
Intatn il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi temm b’effett immedjat il-kuntratt ta’ konsulenza tas-Sur Lawrence Cutajar. Din il-konsulenza kienet diġà ġiet sospiża meta fil-Qorti saru allegazzjonijiet li s-Sur Cutajar ċaħad.