Saturday, May 4, 2024

L-Ekwador se jżommu posthom fit-Tazza tad-Dinja

Aqra wkoll

L-Ekwador se jżommu posthom fit-Tazza tad-Dinja li se ssir fil-Qatar, f’Novembru li ġej. Dan wara li l-kumitat tad-Dixxiplina tal-FIFA eżamina l-fatti kollha li ressqu ċ-Ċilí u ddeċieda li l-każ huwa magħluq.

Iċ-Ċilí kienu talbu biex l-Ekwador jiġu sospiżi u jidħlu fil-post tagħhom.  Huma sostnew li wieħed mill-players tagħhom, Byron Castillo, iffalsifika dokumenti meta fil-fatt huwa Kolumbjan.

L-avukat li jirrappreżenta liċ-Ċilì, Eduardo Carlezzo, sostna li l-investigazzjoni tiegħu kixfet ċertifikat tat-twelid illeġittimu għal Castillo.

Il-marki tas-swaba’ allegatament huma nieqsa mid-dokument ta’ Castillo, li jsostni li twieled fl-Ekwador, u ċ-Ċilì akkużaw lill-player li ‘bagħbas’ l-proċess.

“Il-ġenituri tiegħu żżewġu f’Tumaco, il-Kolumbja, u Byron twieled u tgħammed f’Tumaco,” stqarr Carlezzo. “L-idea li nkunu hawn hi li nippreżentaw b’mod pjuttost ċar u trasparenti l-argumenti u d-dokumenti kollha li għandna. Dak li ġbarna mill-proċess fil-każ. Min jgħid il-verità ma jistax jibża’.”

Castillo, difensur lemini professjonali, dan l-aħħar sar regolari mat-team nazzjonali, iżda deher b’mod prominenti fil-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena ilu mill-2017 jilgħab ma’ Barcelona Sporting Club, team ewlieni Ekwadorjan.

Sport