Tuesday, December 24, 2024

L-ekwipaġġ ta’ Elusive 2 jgħolli t-trofew tal-BOV Gozo Regatta

Aqra wkoll

Elusive 2, tal-familja Podesta, għal darb’oħra niżżlet isimha fuq it-trofew tal-BOV Gozo Reagtta meta rebħet tlieta mill-erba’ tiġrijiet li saru f’weekend ta’ tlielaq.

Il-BOV Gozo Regatta, tradizzjonalment l-ewwel tiġrija lokali wara r-Rolex Middle Sea Race, rat 14-il dgħajsa jjtellqu fi tmiem il-ġimgħa, b’tiġrija minn Marsamxett sal-Imġarr Għawdex nhar il-Ġimgħa. Is-Sibt ra d-dgħajjes jiġru fil-fliegu ta’ Kemmuna u mbagħad il-Ħadd jtellqu lura minn Għawdex għal Malta.

Ir-rebħiet tagħhom kienu missielta ħafna hekk kif kellhom il-kompetizzjoni qawwija ta’ Andrew Agius Delicata u Matthew Gabriele fuq Vivace ta’ u Calypso ta’ Sebastian Ripard, dan tal-aħħar rebaħ it-tieni tiġrija ta’ tmiem il-ġimgħa.

Elusive 2 ħadet il-kmand tal-ewwel tiġrija, it-tellieqa passaġġ Marsamxett għal Għawdex. Warajhom Otra Vez ta’ Aaron Gatt Floridia ppruvaw iżżommu viċin b’ Vivace tkun it-tielet dgħajsa li tgħaddi mal-baga tal-Fairway.

Nhar is-Sibt, il-Kumitat tat-Tlielaq, immexxi minn RMYC Rear Commodore (Sailing) Adrian Gauci Borda, filwaqt li qiesu l-irjieħ ħfief, ħadu d-deċiżjoni li jibdlu t-tlielaq ippjanati madwar il-bagi għal tiġrijiet mad-dawra ta’ Kemmuna. L-ewwel tiġrija filgħodu intrebħet minn Calypso, segwit minn Vivace u Elusive 2.

It-tiġrija ta’ wara nofsinhar, ukoll madwar Kemmuna, intrebħet minn Elusive 2, li kienu determinati li jpattu għat-tielet post miksub filgħodu. Calypso u Vivace segwew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

It-tbassir tal-Ħadd filgħodu b’riħ ferm inqas milli kien ttamat, ra lill-Kumitat tat-Tlielaq iqassar il-korsa. Il-limitu ta’ ħin il-ġdid fisser li Elusive 2 u Corona ta’ Luis Azzopardi u Sara Baldwin biss waslu fil-ħin bil-bqija tad-dgħajjes kellhom jirtiraw.

Id-diviżjoni tal-Cruisers rat lill-Inspiration ta’ Godwin Zammit b’żewġ rebħiet, iżda taqtigħa kbira fit-tielet tiġrija rat ir-rebħa ta’ Dimm ta’ Kevin Pisani Zammit, u b’hekk waqqaf il-mixja tagħhom mingħajr telfa.

“Il-Klabb huwa sodisfatt ħafna bil-parteċipazzjoni fir-Regatta tal-BOV t’Għawdex. Din ir-Regatta hija mistennija ħafna mill-ekwipaġġi peress li tgħaqqad tmiem il-ġimgħa ta’ tlielaq u attivitajiet soċjali. Dan tal-aħħar kien milqugħ ħafna b’mod partikolari peress li dawn l-aħħar sentejn, ir-regoli tal-pandemija żammew lill-ekwipaġġi milli jgawdu flimkein ġurnata fuq l-ilma” irrimarka Gauci Borda.

Ir-rebbieħa ġew ippreżentati bil-premjijiet tagħhom fir-Royal Malta Yacht Club wara l-aħħar tiġrija minn Simon Azzopardi Chief Wealth Management Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u l-Commodore tal-Yacht Club David Cremona.

‘Il-weekend kien ta’ sfida kbira għat-tiġrijiet, b’riħ baxx, xita qawwija u kundizzjonijiet oħra mhux favorevoli iżda l-ekwipaġġi pperseveraw u pproċedew bit-tlielaq tagħhom,’ qal Simon Azzopardi. ‘Fil-Bank of Valletta, aħna napprezzaw il-benefiċċji tal-isport fil-forom kollha bħala parti mill-impenji ESG tagħna’.

Fi tmiem il-proċeduri, il-Club Commodore David Cremona esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultat ta’ tmiem il-ġimgħa. “Il-Club jixtieq jirringrazzja lill-BOV talli għal darb’oħra tal-appoġġ tiegħu. Din is-sħubija laħqet it-tieni deċennju tagħha din is-sena u għal dan aħna lkoll grati u apprezzati ħafna għall-appoġġ li nirċievu. Weekends bħar-Regatta tal-BOV f’Għawdex joħorġu l-entużjażmu l-Club huwa magħruf għalih. L-ekwipaġġi tagħna huma kompetittivi ħafna iżda mbagħad jinagħqu flimkien fuq l-art.” temm jgħid.

Riżultati tar-Regatta tal-BOV f’Għawdex

IRC ġenerali

1 post – Elusive 2                 Aaron, Christoph & Maya Podesta

2 post – Calypso                   RLR Ltd /Sebastian Ripard

3 post – Vivace                     Andrew Agius Delicata/Matthew Gabriele

IRC Klassi 1

1 post – Elusive 2                 Aaron, Christoph & Maya Podesta

2 post – Corona                    Luis Azzopardi / Sara Baldwin

3 post – Otra Vez                  Aaron Gatt Floridia

IRC Klassi 2

1 post – Calypso                   RLR Ltd /Sebastian Ripard

2 post – Vivace                     Andrew Agius Delicata/Matthew Gabriele

3 post – Pep                          Mark Camilleri

IRC Cruisers

1 post – Dimm                       Kevin Pisani Zammit

2 post – Inspiration               Godwin Zammit

3post –  KonTiki                    Ferdinand Grech

Ekonomija

Sport