Tuesday, May 14, 2024

Emendi li jipproteġu lit-tobba u lill-omm f’kumplikazzjonijiet waqt it-tqala

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qiegħed iressaq emenda fil-Kodiċi Kriminali li se tippermetti lit-tobba li meta jitterminaw tqala minħabba raġunijiet mediċi fuq l-omm, ma jittieħdu l-ebda passi kriminali kontrihom.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizza d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg. 

Id-Deputat Prim Ministru qal li nhar it-Tnejn li ġej, fil-Parlament, il-Gvern se jippreżenta l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi sabiex it-tobba jkunu koperti legalment meta jiġu biex jagħmlu dak li hu meħtieġ sabiex dejjem tkun imħarsa saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjoni waqt it-tqala. 

L-emenda kif proposta tgħid li “ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artiklu 241(2) jew l-artiklu 243 meta t-terminazzjoni tat-tqala tirriżulta minn intervent mediku magħmul bil-għan li tkun protetta s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.” 

Id-Deputat Prim Ministru spjega kif din l-emenda fil-Kodiċi Kriminali se tagħti aktar faċilità lit-tobba tagħna li jagħmlu xogħolhom mingħajr ebda konsegwenzi. Qal li jeżistu sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm periklu serju għal ħajjet il-mara waqt it-tqala.

“Qed nitkellmu dwar sitwazzjoni fejn mara tqila fl-ewwel xhur ta’ tqala, b’tarbija ħajja, ikollha kumplikazzjonijiet serji li jistgħu jwasslu għat-telfien tal-ħajja tagħha. L-għażla hawn mhix bejn jekk tgħix l-omm jew it-tarbija. L-għażla hi jekk tgħix l-omm jew jekk tmutx l-omm bit-tarbija wkoll,” qal Fearne.

“Wara dak li qalilna l-Avukat tal-Istat, li identifika dawn iż-żewġ partijiet tal-liġi, li jekk tabib isalva l-ħajja tal-omm, it-tabib u l-omm jistgħu jispiċċaw il-ħabs dehrilna li għandna nintervjenu u nagħmlu emenda biex inħallu t-tobba jsalvaw il-ħajja tal-omm.”

Huwa għamilha ċara li b’dak li se jkun qed isir, mhux se jitneħħew l-artikli li hemm diġà fil-liġi. “L-artiklu li jipprojbixxu l-abort jew li jwasslu għal piena ta’ ħabs għal min jikkaġuna l-abort jew min joqgħod għall-abort dawk se jibqgħu hemm.

“Nifhem li kull min hu ta’ rieda tajba. Kull min jixtieq jara t-tobba tagħna mingħajr xkiel jagħmlu xogħolhom u jsalvaw il-ħajjiet jifhem li dawn huma emendi favur il-ħajja,” tenna Fearne.

Sport