Sunday, May 5, 2024

L-ewwel edizzjoni tal-“Il-Mużika Tgħaqqadna” f’risq l-MCCF

140 artist jingħaqdu flimkien

Aqra wkoll

Fil-21 ta’ Diċembru li ġej se ssir l-ewwel edizzjoni tal-kunċert għall-Istrina, “Il-Mużika Tgħaqqadna” fl-MFCC, Ta’ Qali, bis-sehem ta’ ‘l fuq minn 140 artist li volontarjament se jtellgħu spettaklu għall-familja kollha b’risq The Malta Community Chest Fund (MCCF).

Waqt it-tnedija, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-mużiċisti minn 33 għaqda tal-banda, koristi, atturi u żeffiena li fil-ġimgħa tal-Milied se jingħaqdu permezz tal-mużika bil-għan li jgħinu lill-MCCF tkompli tgħin lil aktar familji u individwi fil-bżonn.

“Il-familji se jkollhom opportunità oħra li jiddevertu waqt li jkomplu japprezzaw mill-qrib il-valur soċjali, edukattiv u kulturali tal-baned fil-ħajja tal-ibliet u l-irħula tagħna,” qal il-President ta’ Malta George Vella.

Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Noel Camilleri qal li l-kunċert, li se jinkludi numru ta’ siltiet tal-Milied u oħrajn klassiċi, se jieħu bixra differenti minn kunċerti oħrajn minħabba arranġamenti ġodda u s-sehem tal-atturi, iż-żeffiena u l-koristi.

“Dan il-kunċert se jkun ħolqa oħra importanti fejn il-mużika tassew tgħaqqadna flimkien għal għan wieħed, dak li nkomplu ngħinu lil min tassew għandu bżonn l-għajnuna,” qal is-Sur Camilleri.

Il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mro Daniel Vella u Mro Justin Martin, u d-direzzjoni artistika ta’ Daniel Cauchi. Il-preżentatur se jkun Ron Briffa.

Il-biljetti għall-kunċert qed jinbiegħu għall-prezz ta’ €20 u €25 minn showshappening.com.

Sport