Monday, November 11, 2024

L-elezzjoni fit-Turkija: Ħadd ma ġab il-maġġoranza

Aqra wkoll

L-elezzjoni għall-Presidenza fit-Turkija jidher li se tmur għat-tieni round ta’ votazzjoni wara li ħadd mill-kontestanti ma ġab il-maġġoranza tal-voti fl-elezzjoni tal-Ħadd.

Skont ma ġie rrapportat, Recep Tayyip Erdogan kiseb 49% tal-voti filwaqt li Kamal Kilicdaroglu rnexxielu jġib 45% tal-voti. It-tieni round mistenni li ssir fi żmien ġimagħtejn oħra.

Wara 20 sena fil-poter, Erdogan ħareġ fil-gallarija tal-kwartieri tal-partit tiegħu u qal li jinsab konvint li se jerġa’ jirbaħ.Għalkemm għall-ewwel deher li Kemal Kilicdaroglu kien favorit li jirbaħ, riżultati mhux uffiċjali poġġewh wara l-President fl-ewwel rawnd ta’ voti.

Għal xhur sħaħ, il-partiti tal-oppożizzjoni fit-Turkija kienu ġabru r-riżorsi tagħhom fi sforz biex itemmu l-mandat tal-president li estenda b’mod drammatiku l-poter tiegħu sa mill-kolp ta’ stat li ma rnexxiex kontrih fl-2016.

L-elezzjoni qed tiġi segwita mill-qrib ħafna fil-Punent, minħabba li s-Sur Kilicdaroglu wiegħed li jqajjem mill-ġdid id-demokrazija Torka kif ukoll ir-relazzjonijiet mal-alleati tiegħu tan-NATO.

Min-naħa l-oħra, il-gvern tal-President Erdogan b’għeruq Iżlamiċi akkuża lill-Punent li qed jippjana biex iwaqqgħu.

Fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu, is-Sur Kilicdaroglu ħareġ fuq palk fil-kwartieri ġenerali tal-partit tiegħu f’Ankara, akkumpanjat mill-alleati tiegħu, fejn għamel minn kollox biex jinstema’ pożittiv. “Jekk in-nazzjon tagħna jgħid it-tieni rawnd, aħna se nirbħu assolutament fit-tieni rawnd,” huwa qal.

Sport