Monday, November 18, 2024

L-Elezzjoni Ġenerali ġewwa l-Italja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fil-21 ta’ Lulju li għadda, Sergio Mattarella, il-President tal-Italja, ħabbar li l-elezzjoni generali li jmiss sejra ssir fil-25 ta’ Settembru li ġejjin. Dan wara li ftit tal-jiem ilu rriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru, Mario Draghi. 

Bħalma ġara ħames snin ilu, meta kienet saret l-aħħar elezzjoni ġenerali fl-Italja, il-pjaga li kostantament tippersegwita lill-Italja, jiġifieri dik tal-immigrazzjoni illegali, sejra tkun qiegħda tiffavorixxi lill-partiti tal-lemin estrem. Minkejja li fil-politika Taljana qatt ma jkun xejn ċert, hemm indikazzjonijiet ċari li din id-darba taf tinħoloq sitwazzjoni fejn il-lemin estrem jirbaħ l-elezzjoni ta’ Settembru li ġej b’saħħa kbira. Fuq kollox, hemm iċ-ċans ukoll li l-alleanza li mistennija tiġi ffurmata, tkun ħafna aktar estrema fl-ideoloġija leminija minn dik li kienet qiegħda tmexxi lill-Italja matul dawn l-aħħar snin.

L-Alleanza li waslet fi tmiemha

Fl-2018, meta kienet saret l-aħħar elezzjoni ġewwa l-Italja, il-mewġa ta’ immigrazzjoni illegali mill-Afrika kienet waslet sabiex il-poplu Taljan kien ivvota bi ħġaru għal żewġ partiti popolistiċi, li kienu l-Moviment Cinque Stelle (M5S) u l-Lega Nord. Filwaqt li c-Cinque Stelle kien magħmul minn politiċi li jħaddnu ideoloġiji politiċi differenti u li kienu ffurmaw dan il-partit wara li kienu telqu lill-partiti rispettivi tagħhom, il-partit tal-Lega Nord minn dejjem kien magħruf għall-politika leminija estrema li jħaddan, kemm meta kien immexxi minn Umberto Bossi u mill-mexxej preżenti, Matteo Salvini.

Matl il-legiżlatura li waslet sabiex tiġi fi tmiemha, l-estremiżmu tal-Lega Nord kien imtaffi mic-Cinque Stelle u mill-fatt li kien hemm xi partiti aktar moderati fl-alleanza li kienet tmexxi l-gvern. Dan minħabba li bejniethom, il-Lega Nord u l-partit l-ieħor li jħaddan politika leminija estrema u li kien ukoll jagħmel parti minn din il-koalizzjoni, jigifieri l-Fratelli d’Italia, kellhom biss madwar 22% tal-appoġġ popolari.

Alleanza aktar estrema?

Matul din il-legiżlatura, il-popolarità taċ-Cinque Stelle naqset ħafna u sa certu punt anke dik tal-Lega Nord. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-popolarità tal-istess Fratelli d’Italia fejn jidher li t-tmexxija ta’ Giorgia Meloni żiedet bil-kbir l-appoġġ tat-Taljani lejn dan il-partit. Ta’ min jgħid li l-partit tal-Fratelli d’ Italia ghandu konnesjoni diretta mad-dittatur Taljan Benito Mussolini minhabba li hareg mill-Movimento Sociale Italiano (MSI), partit b’ ideologija Neo-Faxxista li kien ġie ffurmat minn Giorgio Almirante, li qabel kien serva bħala ministru taħt l-istess Mussolini. Dan Almirante kien ta’ spiss jissemma fil-ġlied li kien isir fit-toroq tal-ibliet ewlenin Taljani fis-snin u tmenin, żmien li baqa’ magħruf bħala ‘gli anni di piombo’ jew żmien il-ħadid, minħabba li dik il-ħabta, it-toroq Taljani kienu jkunu mimlija bil-bullets sparati mill-estremisti politiċi.

Skont stħarriġ li sar dan l-aħħar minn ġurnal prominenti Taljan, bħalissa, il-Lega Nord u l-Fratelli d’Italia, bejniethom qegħdin igawdu l-appoġġ ta’ bejn 37% u 40% tal-votanti Taljani. Partit ieħor b’ideoloġija leminija u li hemm ċans kbir li jingħaqad mal-Lega Nord u l-Fratelli d’Italia f’koalizzjoni prospettiva, huwa dak tal-Forza Italia, mmexxi minn Silvio Berlusconi. Skond l-istess stħarrig, il-partit ta’ Berlusconi jgawdi bejn 9% u 11% tal-appoġġ tal-votanti.

Meta wieħed jgħodd f’daqqa ċ-ċifri li semmejna, faċli li jasal għall-konkluzzjoni li hemm ċans kbir li tingħaqad alleanza minn dawn it-tliet partiti forsi bl-għajnuna ta’ xi partit ieħor żgħir. Naturalment, kemm-il darba dan li qegħdin ngħidu jseħħ fir-realtà, din id-darba alleanza ta’ din ix-xorta mhuwiex sejrin ikollha min irażżan l-elementi estremisti li jħaddnu dawn il-partiti, li jinkludu element qawwi razzjali u fuq kollox ammirazzjoni lejn politiċi bħal Vladimir Putin.

Ix-Xellug mifrud

Sabhiex ikomplu jiżdiedu l-prospetti diġà tajbin tal-partiti tal-lemin, il-partiti rivali tagħhom, jiġifieri dawk tax-xellug, qegħdin jiġġieldu bejniethom. 

Il-firda tax-xellug bdiet ħierġa fil-beraħ b’dikjarazzjoni li għamel dan l-aħħar Enrico Letta, l-mexxej tal-Partit Dekokratiku, l-akbar partit tax-xellug ta’ bhalissa fil-politika Taljana. Letta diga’ ddikjara li ma huwiex lest li jinhaqad mac-Cinque Stella minhabba li dawn tal-ahhar kienu strumentali sabhiex irrizenja Mario Draghi. 

Sadanittant, partit ieħor li jħaddan ideologija xellugija, jiġifieri l-Azione, filwaqt li ddikjara li lest li jaħdem mal-Partito Democratico, qal li jagħmel dan kemm-il darba jkun hemm Mario Draghi bħala Prim Ministro u mhux l-istess Enrico Letta.

Daqqa oħra lix-xellug għadha kemm ingħatat mill-ex Prim Ministru Matteo Renzi, li wara li kien għamel xi żmien imexxi lill-Partito Democratico, kien ifforma partit ġdid bl-isem ta’ Italia Viva. Renzi qal li huwa sejjer jaffronta din l-elezzjoni ġenerali mingħajr l-ebda alleanza ddikjarata minn qabel.

Ekonomisti magħrufin Taljani qegħdin jiktbu artikli sħaħ li fihom qegħdin juru t-tħassib tagħhom fuq il-konsegwenzi li jaf jgħaddi minnhom il-pajjiż kemm-il darba jkun hemm koalizzjoni leminija ta’ din ix-xorta, aktar u aktar li tkun immexxija minn Giorgia Meloni. L-aktar li qiegħed jinkwieta lil dawn l-esperti huwa jekk b’Giorgia Meloni fit-tmun, l-Italja jirnexxilhiex tieħu l-fondi kollha li jlaħħqu il-mitejn biljun ewro mill-Unjoni Ewropea li ngħataw bħala għajnuna sabiex il-pajjiż jirkupra mill-Covid-19.

Thassib ieħor li qegħdin ikollhom dawn l-ekonomisti jirrigwarda ċertu dikjarazzjonijiet ta’ esponenti ewlenin tal-Fratelli d’Italia rigward l-immaniġġjar ta’ ċertu industriji ġewwa l-pajjiż. Dawn id-dikjarazzjonijiet jinkludu proposti sabiex kumpaniji li joffru servizzi essenzjali bħal l-immanigjar tal-ajruporti u tas-servizz tal-ferroviji jerġgħu jgħaddu taħt it-tmexxija tal-istat. 

Naturalment, l-Unjoni Ewropea qiegħda ssegwi mill-qrib dak li qiegħed jigri ġewwa l-Italja. Żgur li bħalissa, bi gwerra bħal dik li għaddejja ġewwa l-Ukrajna, gwerra li qiegħda kulma tmur tipparalizza diversi ekonomiji li kienu għadhom qegħdin jirkupraw mill-effetti tal-pandemija, l-aħħar ħaġa li ma tridx hija li jkollha membru ieħor minn tagħha li johloq dizgwid minghajr bzonn, kif fuq kollox qeghdin jaghmlu membri ohra li huma immexxijin minn partit tal-lemin estrem.

Ekonomija

Sport