Sunday, December 22, 2024

L-ELEZZJONI PRESIDENZJALI ĠEWWA FRANZA

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

X’inhuma l-prospetti ta’ Macron li jiġi kkonfermat bħala l-President Franċiż?

F’April li ġej, l-attenzjoni tal-media internazzjonali bla dubju ta’ xejn sejra tkun iffukata fuq l-elezzjoni presidenzjali li se ssir ġewwa Franza. Minħabba d-diversi avvenimenti li seħħew dan l-aħħar fi ħdan l-Unjoni Ewropea, din l-elezzjoni hija sa ċertu punt aktar importanti minn elezzjonijiet presidenzjali oħra li saru sa issa ġewwa Franza. Minkejja li n-numri li qegħdin joħorġu mis-sondaġġi li qegħdin isiru b’mod regolari, kif ukoll minn mudelli matematiċi li ġew ikkummissjonati minn ġurnali rinomati, qegħdin juru li fl-elezzjoni ta’ din is-sena, il-Franċiżi sejrin jikkonfermaw lil Emmanuel Macron bħala l-president tagħhom għall-ħames snin li ġejjin, l-istorja ta’ dan il-pajjiż għallmitna li ġewwa Franza kollox huwa possibbli fl-elezzjonjiet presidenzjali.

Il-mekkaniżmi ta’ Elezzjoni Presidenzjali Franċiża

L-elezzjoni Presidenzjali Franċiża ssir kull ħames snin. Hija bbażata fuq sistema elettorali maħluqa minn Charles De Gaulle fis-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor. Din l-elezzjoni ssir fuq żewġ rounds bl-ewwel round din is-sena mistenni jsir fl-10 ta’ April u bit-tieni sejjer isir fl-24 tal-istess xahar. 

L-iskop ta’ dan il-format huwa li kulħadd ikollu ċ-ċans li jikkontesta fl-ewwel round mingħajr l-imbuttatura ta’ xi partit politiku. Wara l-ewwel votazzjoni l-kontestanti jiġu ridotti għal tnejn biss biex dawn imbagħad imorru għall-konfront dirett fit-tieni round tal-elezzjoni. 

Però, sabiex ċittadin Franċiż jikkontesta l-elezzjoni presidenzjali, huwa jrid ikollu l-kunsens ta’ mill-anqas ħames mitt rappreżentant elett. Dawn iridu jesprimu l-approvazzjoni taħhhom għall-kandidatura ta’ xi kontestant billi jiffirmaw petizzjoni uffiċjali maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali. 

Ġewwa Franza hemm kważi sebgħa u erbgħin elf minn dawn ir-rappreżentanti eletti li madwar sebgħa u tletin elf minnhom huma Sindki, parlamentari domestici jew parlamentari Ewropej. Il-bqija huma kunsillieri reġjonali. 

Minkejja li dan in-numru kbir ta’ ċittadini li jistgħu jiffirmaw għall-kandidati prospettivi jista’ jagħti l-impressjoni li hija xi ħaġa faċli li kandidat jikseb il-ħames mitt firma sabiex jikkontesta, mhijiex l-ewwel darba li kien hemm xi kandidati, speċjalment dawk indipendenti li spiċċaw ma ġabruwhomx. 

Kien hemm ukoll każi fejn kandidati kontroversjali bħal Jean-Marie Le Pen, li huwa missier waħda mill-kontestanti ta’ din is-sena, li kienu bagħtew mhux ftit sabiex ġabru l-firem għaliex ftit kienu dawk ir-rappreżentanti li semmejna li riedu jiġu assoċjati mal-politika kontroversjali tagħhom. 

Fil-fatt, il-familja Le Pen kemm-il darba ppruvat tbiddel il-liġi elettorali assoċjata ma’ dawn il-firem sabiex il-firmatarji jibqgħu anonimi. Sa issa dawn għadhom ma rnexxilhomx.

X’qegħdin jgħidu n-numri fuq Macron?

Emmanuel Macron minn dejjem kien politiku kontroversjali. Permezz tal-partit tiegħu, La Republique en Marche, dan il-politiku ta’ 44 sena rnexxielu jkisser id-dominanza tal-partiti tradizzjonali, l-aktar dawk li jħaddnu ideoloġiji ċentrista fl-ispettru ideoloġiku. Dan minħabba li l-partit tiegħu ġie ffurmat minn grupp ta’ politiċi rinomati li ġew minn partiti oħra kemm min-naħa ċentru-xellugija kif ukoll minn dik ċentru-leminija.

Minħabba li t-tmexxija ta’ Macron matul dawn l-aħħar ħames snin kemm-il darba dehret bħala waħda arroganti għall-aħħar, arroganza li kemm-il darba rriżultat fi protesti fit-toroq Franċiżi, is-sondaġġi qegħdin juru li kważi ħamsin fil-mija tal-votanti Franċiżi qegħdin jgħidu li sejrin jivvutaw għall-kandidati li jħaddnu politika estrema, l-aktar fuq in-naħa leminija tal-ispettru li semmejna. 

Fost il-votanti li mistennija jitfgħu vot ta’ protesta kontra l-president attwali hemm numru kbir ta’ ġenituri li kienu ddiżappuntati għall-aħħar bis-sistema ta’ kif uliedhom ġew eżaminati fl-iskejjel matul il-pandemija, kif ukoll dawk li kienu kontra l-vaċċinazzjoni.

Minkejja ta’ dan, studji li saru minn diversi ġurnali akkademiċi qegħdin jindikaw li Macron ghandu bejn 70% u 80% cans li jżomm il-presidenza fl-elezzjonijiet ta’ April li gej. Dawn il-figuri favorevoli għal Macron huma riżultat tal-mod ta’ kif il-President Franċiż affronta l-pandemija bi Franza jkollha programm tal-vaċċinazzjoni ferm aħjar minn dak tal-Ġermanja u minn tar-Renju Unit. Barra minn dan, il-Presidenza Macron ħolqot ħafna impjiegi u tejbet l-ekonomija Franċiża.

Sa ċertu punt, il-pandemija ħadmet favur Macron minħabba li l-għajnuniet finanzjari li huwa pprovda sabiex jiġu salvati n-negozji u l-impjiegi mmitigaw id-dwejjaq tan-nies b’miżuri oħra fiskali li huwa kien qiegħed idaħħal. 

Fuq kollox, il-pandemija waslet għall-posponiment tar-riforma fil-pensjonijiet, riforma li kienet mistennija li kelha tnaqqas ħafna mill-popolarità ta’ Macron fost il-poplu Franċiż.

Skont is-sondaġġi li qegħdin isiru bħalissa, Macron igawdi l-appoġġ ta’ madwar 38% tal-votanti Franċiżi.

Il-popolarità attwali ta’ Macron u l-istorja riċenti Franċiża

Huwa fatt magħruf li l-Franċiżi ftit li xejn iħobbu jikkonfermaw il-president tagħhom għat-tieni term. Fil-fatt, dan ilu ma jiġri għal xejn anqas minn 20 sena. Wara De Gaulle, kienu biss Francois Mitterand u Jacques Chirac li ġew ikkonfermati għat-tieni term, bl-ewwel wieħed jagħmel dan fl-1988 u Chirac jirbaħ it-tieni presidenza tiegħu fl-2002.

Minkejja li l-ġurnali qegħdin jagħtu ċans kbir lil Macron li jkun it-tielet President li jirbaħ it-tieni ħames snin ta’ presidenza, il-popolarità attwali tiegħu li ghadna kemm semmejna, jiġifieri dik ta’ 38%, xejn ma taċċerta li dan sejjer iseħħ. 

Meta mqabbla mal-popolarità taż-żewġ predeċessuri tiegħu fl-istess żmien qabel l-elezzjonijiet li kienu kkontestaw, jiġifieri dik ta’ Francois Hollande li kellu biss 19% tal-poplu warajh u ta’ Nicholas Sarkozy li kellu 29%, Macron jidher li qiegħed tajjeb. 

Però, dan ma jistax jingħad meta mqabbel mal-appoġġ li kienu jgawdu l-istess Mitterand u Chirac. Fuq kollox, dawn iż-żewġ presidenti kienu rnexxielhom jiksbu ħafna voti tal-oppożizzjoni minħabba li kienu jippresjedu gvernijiet magħmula minn politiċi li kienu ġejjin minn diversi partiti li ma kinux dawk li minnhom ħarġu dawn iż-żewġ Presidenti Franċiżi.

Min huma r-rivali ta’ Macron?

L-akbar sfida għal Macron mistennija tiġi minn Valerie Pecresse, il-kandidata tal-Partit Repubblikan. Pecresse qiegħda tiġi deskritta minn diversi esperti tal-politika Franċiża bħala politikanta li tixbaħ ħafna lil Angela Merkel f’dik li hija politika barranija iżda li għandha temperament simili bħal dak li kellha Margaret Thatcher. Minkejja li Pecresse qiegħda tikkampanja ħafna madwar kull rokna ta’ Franza, iċ-ċansijiet li qiegħda tingħata li tirbaħ l-elezzjoni presidenzjali huma biss ta’ madwar 15%.

Imbagħad hemm Marine Le Pen u Eric Zemmer, żewġ kontestanti li jħaddnu politika tal-lemin estrem minkejja li ġejjin minn żewġ partiti differenti. Sa ċertu punt dawn qegħdin itellfu ċ-ċansijiet ta’ xulxin li jgħaddu għat-tieni round billi qegħdin jaqsmu l-voti tal-lemin estrem bejniethom u forsi b’hekk qegħdin ikabbru ċ-ċansijiet ta’ Pecresse li tmur għall-konfront dirett ma’ Macron.

Tispikka l-assenza ta’ kandidati Soċjalisti fost il-favoriti minkejja li dan il-partit pprovda żewġ presidenti għal Franza wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Minkejja li kollox qiegħed juri li l-elezzjoni ta’ din is-sena hija biss formalità sabiex Macron jiġi kkonfermat għall-ħames snin li ġejjin, Macron stess jaf li l-elezzjonijiet Franċiżi huma imprevedibbli ħafna. Fil-fatt, fl-2017, huwa kien għadda għat-tieni round kontra kull mistenni b’24% biex imbagħad rebaħ it-tieni round b’ 66% tal-voti. 

Macron jaf li huwa kien rebaħ il-presidenza wara li l-kandidat l-aktar favorit kellu jirtira mit-tellieqa wara skandlu li kien faqqa’ matul il-kampanja elettorali, ħaġa li tista’ faċilment tiġri lil Macron.

Din l-elezzjoni qiegħda tinghata ħafna importanza minn pajjiżi oħra għaliex ir-rebbieħ tagħha huwa mistenni jieħu t-tmun tal-Unjoni Ewropea f’idejh wara t-tmiem tal-karriera politika ta’ Angela Merkel u t-tluq tar-Renju Unit mill-Ewropa.

Ekonomija

Sport