Saturday, December 21, 2024

L-ELEZZJONI PRESIDENZJALI ĠEWWA T-TAJWAN

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fil-bidu tas-sena d-dieħla mistennija ssir l-elezzjoni presidenzjali gewwa l-gżira tat-Tajwan. Għalhekk kif jgħaddi s-Sajf mistennija tibda l-kampanja elettorali.

Minkejja li Taiwan huwa mmexxi b’mod awtonomu miċ-Ċina, kull elezzjoni li ssir ġewwa fih dejjem tkun miġġielda fuq il-mod ta’ kif il-politiċi tagħha jkunu qegħdin jipproponu li tkun imrażżna x-xewqa eterna taċ-Ċina sabiex Taiwan isir provinċja tagħha mmexxija mill-gvern ta’ Beijing. Naturalment, bħalissa t-tema tat-theddida fuq l-indipendenza tat-Tajwan miċ-Ċina qiegħda tkun b’saħħitha aktar minn qatt qabel l-aktar minħabba li ċ-Ċina ħaditha drawwa li tagħmel titjiriet mill-ajruplani militari tagħha fuq it-territorju tat-Tajwan.

Il-ġlieda elettorali

Bħal dejjem, il-ġlieda elettorali sejra tkun bejn il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista jew it-Kuomintang, li qiegħed fl-oppożizzjoni u li huwa favur li jsiru kemm jista’ jkun negozjati maċ-Ċina sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-kwistjoni u dak tal-Partit Demokratiku Progressiv li bħalissa qiegħed imexxi din il-gżira li fiha jgħix kważi 40 miljun ruħ u li huwa aktar aggressiv fil-ġlieda maċ-Ċina.

Fil-fatt, il-program elettorali tal-Partit Demokratiku fil-gvern mistenni jdur mall-proposta li t-Tajwan għandu jinnegozja kemm jista’ jkun alleanzi ma’ pajjiżi demokratiċi sabiex dawn iservu bħala tarka kontra s-saħħa militari u ekonomika kbira Ċiniża filwaqt li dak tal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista sejjer idur ma’ kif għandhom isiru n-negozjati mal-gvern Ċiniż.

Apparti dawn iż-żewġ kandidati tradizzjonali, din il-darba mistenni jkun hemm sfida b’saħħitha minn kandidat tal-Taiwan’s People’s Party.

Il-votanti

Tradizzjonalment, il-votanti tal-Partit Nazzjonalista minn dejjem kienu dawk iċ-ċittadini li jitkellmu l-Mandarin, il-lingwa ewlenija Ċiniża, minħabba li dan il-partit għandu l-origini tiegħu minn numru kbir ta’ Ċiniżi li kienu ħarbu miċ-Ċina fis-snin erbgħin wara li l-Komunisti kienu ħadu t-tmexxija taċ-Ċina f’idejhom. Fuq in-naħa l-oħra, il-votanti tradizzjonali tal-Partit Demokratiku Progressiv huma dawk iċ-ċittadini li ħarġu mill-popolazzjoni indiġena ta’ din il-gżira.

Però, din id-darba, ġewwa t-Tajwan hemm ħafna votanti li lesti jinsew l-għeruq tagħhom u qegħdin jiddikjaw li huma sejrin jivvutaw b’moħħhom u mhux skont dak li l-familji taghhom dejjem ivvotaw għalih. Fil-fatt, skont stħarriġ li sar dan l-aħħar kważi nofs il-votanti li għandhom bejn 20 u 30 sena huma ‘floating voters’.

Il-kandidat tal-Partit Demokratiku

Il-kandidat tal-Partit Demokratiku Progressiv huwa Lai Ching-te, li bhalissa huwa l-Vici President. Lai Ching-te, li huwa tabib, bħalissa qiegħed fuq quddiem fis-sondaġġi meta qieghed igawdi l-appogg ta’ ftit aktar minn tletin fil-mija tal-votanti. Lai Ching-te huwa magħruf ghall-mod ta’ kif huwa dejjem kien aggressiv fil-kontront taċ-Ċina, ħaġa li sa ċertu punt qeghda tbezza lill-pajjizi tal-punent ghalhiex tista’ ggib hafna aktar inkwiet. Konxju ta’ dan, Lai Ching-te naqqas ħafna mill-aggressività tiegħu kontra ċ-Ċina u qiegħed jgħid li l-priorita tieghu ma hijiex it-‘taidu’ jew l-indipendenza tat-Tajwan izda t-‘taizhu’ jew id-demokrazija tat-Tajwan. Huwa sahansitra bidel l-islogan tal-partit tieghu minn ‘nirrezistu liċ-Ċina sabhiex nipprotegu lit-Tajwan’ ghall-‘nipprotegu lit-Tajwan b’ mod pacifiku’.

Naturalment, dan jaf ma jkunx bizzejjed sabhiex jikkalma s-sitwazzjoni li hemm bhalissa bejn iċ-Ċina u t-Tajwan u dan jaf jressaq xi votanti lejn il-Partit Nazzjonalista li kemm il-darba qal li l-Partit Demokratiku Progressiv jaf iġib il-gwerra. Kontra dan il-kandidat hemm l-issue li l-partit tieghu wara snin fil-gvern sar l-establishment u tilef il-kredenzjali li huwa twaqqaf ghalihom jiġifieri l-indipendenza u d-demokrazija.

Il-kandidat Nazzjonalist

Il-Partit Nazzjonalista għażel lil Hou Yu-ih bħala l-isfidant għall-Viċi President preżenti. Hou Yu-ih li huwa eks pulizija, is-sena l-oħra għadu kemm reġa’ ġie kkonfermat bħala sindku ta’ New Tapei City b’maġġoranza kbira ħafna. Il-fatt li huwa jitkellem kemm il-Mandarin u t-Tajwaniż jaf jgħinu jieħu xi voti taż-żgħażagħ li ġejjin minn familji li minn dejjem kienu votanti tal-partit l-ieħor. Mid-dehra, Hou Yu-ih qieghed jipprova jogħġob lil kulħadd billi jagħmel dikjarazzjonijiet bħal li huwa ‘kontra li t-Tajwan ikun jiddependi minn pajjiżi kbar bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti’, għalkemm iddikjara li huwa kontra s-sistema ta’ ‘pajjiż wieħed żewġ sistemi’, li addottat iċ-Ċina meta ħadet lil Hong Kong minn taħt idejn ir-Renju Unit.

Però, hija ħaġa ċerta li l-medja serja ġġiegħel lil Hou Yu-ih sabiex jelabora aktar fuq it-temi prinċipali l-aktar fuq il-mod kif sejjer jimxi maċ-Ċina, ħaġa li jew trebbaħ jew ittellef l-elezzjoni għan-Nazzjonalisti. Bħalissa, skont is-sondaġġi dan il-kandidat igawdi 25% tal-voti.

It-tielet kandidat

Fit-tielet post fis-sondaġġi li saru dan l-aħħar dejjem qiegħed jidher Ko Wen-je l-mexxej u l-fundatur tal-Taiwan’s People’s Party u li serva għal xi żmien bħala s-sindku tal-belt kapitali. B’differenza għaż-żewġ kandidati l-oħra, Ko Wen-je qieghed jiffoka fuq kwistjonijiet domestiċi bħall-enerġija u l-akkomodazzjonijet għall-koppji żgħażagħ. Rigward ir-relazzjoni ta’ Tajwan maċ-Ċina, l-vizzjoni ta’ Ko Wen-je hija simili għal dik tal-Partit Nazzjonalista jiġifieri favur negozjati maċ-Ċina. Ko Wen-je jidher li għandu warajh madwar 23% tal-votanti.

Minkejja li l-kandidat tal-gvern jidher li qiegħed igawdi vantaġġ tajjeb, kemm-il darba ż-żewġ partiti l-ohra jiddeciedi li jingħaqdu bejniethom, ħaġa li hija pjuttost faċli li tiġri minħabba l-policies simili li għandhom, dan jaf itemm ir-renju tal-partit fil-gvern. Minkejja l-viżjonijiet differenti rigward ir-relazzjonijiet tat-Tajwan maċ-Ċina mill-kandidati, sfortunatament, dan ftit mistenni jaffettwa dak li huwa mixtieq miċ-Ċiniżi jiġifieri li t-Tajwan jkollu l-istess destin tal-Hong Kong u jsir provinċja Ċiniża.

Ekonomija

Sport