Sunday, December 29, 2024

L-Emigranja Mhix Sempliċi Uġigħ ta’ Ras…..

.... iżda diżordni newroloġika li taffettwa biljun persuna madwar id-dinja

Aqra wkoll

“Ħafna drabi inħoss sintomi bħalma huma uġigħ ta’ ras li jdum bħal donnu uġigħ iħabbat fuq naħa waħda ta’ rasi. Id-dawl u l-ħsejjes idejjquni ħafna għax insir sensittiva ħafna għalihom u nħoss ukoll nawsea u dardir qawwi. Li tkun tbati bil-migraine mhiex ċajta u minbarra l-fatt li din il-kundizzjoni hija skomda ħafna, qed taffettwali wkoll il-kwalità ta’ ħajti b’effett dirett fuq ir-relazzjonijiet tiegħi.” Dan huwa kif tkellmet persuna li tbati bl-emigranja bejn tlett darbiet u erba’ darbiet fix-xahar.

Il-kawża eżatta ta’ l-emigranja għadha mhiex magħrufa iżda llum il-ġurnata huwa maħsub li dawn huma r-riżultat ta’ bidla fil-kimika, fin-nervituri u l-blood vessels tal-moħħ. Madwar nofs ta’ dawk li jbatu bl-emigranja għandhom xi ħadd jiġi minnhom bl-istess kundizzjoni u dan juri li din il-kundizzjoni tista’ wkoll tkun waħda ġenetika.

Li hu fatt huwa li l-emigranja taffettwa iżjed nisa milli irġiel fejn il-prevalenza hija ta’ tlett darbiet iżjed fin-nisa milli fl-irġiel. Il-kundizzjoni taf tibda’ mit-tfulija iżda din tinstab l-iżjed f’persuni ta’ bejn l-20 u l-50 sena. Fil-fatt, minbarra li din hija s-sitt l-aktar marda komuni, hija wkoll it-tieni l-aktar kundizzjoni li tikkawża diżabbiltà wara dik ta’ l-uġigħ fid-dahar u l-ewwel kawża ta’ diżabbiltà f’persuni ta’ bejn il-15 u d-49 sena.

“Meta niġu għall-emigranja, hemm ħafna aspetti x’nikkunsidraw. L-ewwel aspett huwa li għad hemm ħafna nuqqas ta’ għarfien fost il-pubbliku dwar l-emigranja eżattament x’inhi,” tispjega in-newrologista Dr Ruth Galea, Lead tal-Migraine Unit fl-isptar Mater Dei li twaqqaf apposta għal dawk li jbatu minn emigranja kronika.

“Hemm idea żbaljata li l-emigranja hija biss uġieħ ta’ ras iżjed akut minn uġigħ ta’ ras komuni meta fil-fatt, l-emigranja hija meqjusa bħala diżordni newroloġika kronika li qed taffettwa ‘l fuq minn biljun persuna madwar id-dinja fejn ħafna drabi, iċ-ċifra tkun ta’ madwar 10% tal-popolazzjoni. U għalkemm hija diżordni, ħafna drabi id-djanjożi ma tkunx korretta u fil-fatt, iżjed minn nofs il-pazjenti li jgħidu li qed ikollhom uġigħ ta’ ras regolari fil-fatt jirriżulta li jkunu jbatu bl-emigranja,” spjegat it-tabiba Galea.

Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin, il-kumpanija tal-farmaċewtika Vivian mistennija tniedi fuq is-suq trattament ġdid li issa jista’ jkun preskritt għat-trattament lil kull min ibati kemm b’emigranji kroniċi kif ukoll emigranji akuti.

“Illum, l-emigranja sar wieħed mill-aktar għaxar kundizzjonijiet li jwasslu għal snin sħaħ ta’ diżabilità u dawk li jbatu bihom, jafu sew kemm din il-kundizzjoni żżommhom lura. Xi wħud jaqbadhom erba’ jew ħames darbiet fix-xahar jekk mhux iżjed! Dan ikollu impatt kbir fuq il-ħajja personali tagħhom, fuq ix-xogħol u l-istil ta’ ħajja tagħhom. L-uġigħ, li f’ċerti każi jaf idum bejn 4 sigħat u 72 siegħa, jikkonsisti f’uġigħ moderat jew intensiv li ħafna drabi jkun jinkludi dardir u fastidju mid-dawl u l-ħsejjes,” kompliet tispjega t-tabiba Galea.

“Minbarra li rridu nqajjmu iżjed kuxjenza dwar l-emigranja, irridu ngħidu lil kull min ibati b’dan id-diżordni li issa hawn trattament ġdid u għalhekk, hemm ħafna antiċipazzjoni għal dan il-prodott ġdid,” qal Yan Grima General Manager ta’ Vivian.

Dan it-trattament ġdid jikkonsisti f’pillola li ddub fil-ħalq biex l-uġigħ jittaffa mill-ewwel u l-pillola tibqa’ effettiva sa jumejn wara.Yan Grima semma wkoll kif l-emigranja tibqa’ kundizzjoni fejn ħafna drabi, id-djanjożi ma taqbadhiex jew tkun ħażina.

“Fil-fatt, stħarriġ li sar dan l-aħħar sab li 27% biss ingħataw id-djanjożi ta’ emigranja meta fil-fatt, dawk li kellhom l-emigranja kienu ħafna iżjed minn hekk. U filwaqt li jeżisti trattament preventiv li jista’ jittieħed b’mod regolari sabiex titnaqqas il-frekwenza u l-intensità ta’ l-attakki ta’ l-emigranja, fl-Ewropa, bejn 2% u 14% biss ta’ dawk eliġibbli qed jużaw trattament preventiv.”

“Meta niġu għal din il-kundizzjoni, hemm ħames oqsma ewlenin li rridu naħdmu fuqhom. Irridu nkabbru t-tagħrif fost il-pubbliku dwar dan id-diżordni, irridu nsaħħu l-edukazzjoni dwar l-emigranja fost il-professjonisti fil-kura tas-saħħa, nimplimentaw kura effiċjenti skond il-ħtieġa tal-pazjenti, niżguraw fondi għall-aċċess għal trattamenti innovattivi u ntejjbu l-kundizzjoni tax-xogħol għal dawk li jbatu bl-emigranja,” temm jgħid Yan Grima.

Huwa stmat illi kull sena, l-emigranja qed tiswa’ lill-ekonomiji Ewropej madwar €55 biljun f’spejjeż diretti u indiretti, minbarra l-impatt fuq il-ħajja tal-pazjenti innifishom.

Ekonomija

Sport