Wednesday, April 24, 2024

Servizz ta’ tow truck bla ħlas għall-karozzi li jieqfu f’nofs ta’ triq fil-ġranet tal-iskola

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Iż-żieda fil-ħin li wieħed irid isuq lejn u mill-post tax-xogħol hija ta’ wġigħ ta’ ras. Huwa fatt li l-konġestjonijiet tat-traffiku jinħolqu meta triq tingħalaq kemm għal tiswijiet li fl-aħħar mill-aħħar huma meħtieġa, kif ukoll minħabba xi inċident. Hawn minflok tisħon ir-ras u tibda l-kritika, wieħed irid jifhem li t-tiswijiet fit-toroq huma meħtieġa għas-sigurtà u l-inċidenti fit-toroq trid tirrangrazzja l’alla li ma messx lilek. 

Minkejja li ħafna minnha dan nafuh, xorta nħossu frustrazzjoni għal problema li qiegħda tippersisti. It-traffiku jiżdied aktar meta t-tfal ikollhom l-iskola kif ukoll fil-ħinijiet tipiċi li l-ħaddiema jkunu serjin lejn ix-xogħol u telgħin lura mix-xogħol għad-dar. Dawk li nsejħulhom il-peak hours. Dawn il-peak hours kienu tnaqqsu drastikament fi żmien il-pandemija. Iżda issa li ġejna lura għan-normal, il-problema tat-traffiku reġgħet magħna. 

Proprju biex tkun indirizzata, jew almenu kkontrolata, din il-problema fit-toroq tagħna, inizjattiva li forsi mhux kulħadd jaf biha hija dik li fi żmien meta t-tfal ikollhom l-iskola, qiegħed jingħata servizz ta’ tow truck bla ħlas. L-iskop ta’ dan is-serviz huwa li ma jiżgombra karozzi li jkunu waqfu fin-nofs,. It-tow truck iressaqhom fil-ġenb sakemm dawk ikunu jistgħu ikomplu bit-triq tagħhom. 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, fil-Parlament hekk kif elenka ħidma kontinwa biex it-traffiku f’pajjiżna jibda jkun ikkontrollat b’mod aktar effiċjenti u sigur b’rispett anke tal-ambjent.

“Fil-ħinijiet magħrufin bħala l-peak-hour qiegħda ssir ħidma billi ċertu servizzi jiġu staggered. Hawnhekk, saret diskussjoni intensiva mal-imsieħba soċjali kollha li joperaw f’diversi industriji differenti,” spjega l-Ministru Farrugia. 

Diversi proġetti madwar Malta u Għawdex

Fl-intervent tiegħu għal mistoqsija li saritlu mid-deputat tal-PN Claudette Buttigieg, il-Ministru Farrugia rrispondiha billi qal li fl-aħħar snin saru diversi proġetti madwar Malta u Għawdex biex jittaffa t-traffiku u l-konġestjoni li dan iġib miegħu. Dawn il-proġetti kbar jinkludu:- 

* Il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, Luqa Junction Project;

* L-Underpass f’Santa Luċija;

* Il-Marsa Junction, Central Link;

* L-underpass tal-MFSA (dan huwa wkoll proġett maġġuri f’dawn l-aħħar ħames snin).

* Proġetti tal-ferry landing li sar f’Bormla, dalwaqt f’Tas-Sliema u bix-xogħlijiet għaddejjin f’Buġibba. Dawn huma alternativi oħra biex jonqos it-trasport tal-art.

“Dawn il-proġetti huma akkumpanjati minn miżuri biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-ammont ta’ karozzi mit-toroq tagħna. Fost dawn il-miżuri hemm l-inċentiv li l-Gvern offra biex persuna tkun tista’ tibdel il-karozza tagħha ma’ mezzi aktar sostenibbli ta’ transport bħal muturi jew roti,” kompla l-Ministru Farrugia. 

Spjega li dawn l-għotjiet kienu akkumpanjati minn investimenti fl-infrastruttura li jħeġġu aktar nies biex jagħmlu l-qabża meħtieġa. Eżempju ta’ dan huwa l-ħolqien ta’ numru ta’ bus lanes f’numru ta’ proġetti infrastrutturali flimkien mal-aħbar tal-ewwel network ta’ active mobility routes li għall-ewwel darba se jagħti lill-pajjiż rotot stabbiliti u siguri għal mobilità aktar attiva.

Investiment li sarraf fi 30 karozza tal-linja elettrika

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali fakkar li sar investiment bla preċedent fit-trasport pubbliku fejn, permezz ta’ investiment ta’ 20 miljun ewro żdiedu mal-flotta 30 karozza tal-linja elettrika li qegħdin isarrfu f’aktar minn 400 vjaġġ addizzjonali kuljum. Dan flimkien mal-fatt li qegħdin jinbnew ferm aktar mollijiet biex titjieb il-konnettività bil-baħar, speċjalment fiż-żona tal-Port il-Kbir. 

“Dan kollu juri li hemm impenn mill-Gvern biex isaħħaħ mezzi alternattivi ta’ transport lil hinn mill-vetturi personali. Fl-aħħar żmien kien hemm ukoll żieda fl-infurzar u fil-preżenza ta’ enforcement officers jiggwidaw it-traffiku f’postijiet strateġiċi fejn l-Awtorità għat-Trasport hija konxja mill-fatt li f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata jinġema’ t-traffiku. Permezz ta’ cameras imqabbdin mal-control room, flimkien mal-preżenza ta’ aktar enforcement officers fit-toroq, qiegħed jiġi aċċertat li l-influss tat-traffiku ikun immaniġjat bl-aħjar mod possibli,” temm il-Ministru Aaron Farrugia.

Il-miżuri msemmija u aktar, kellhom u mistennija jkomplu jkollhom impatt pożittiv biex tkun indirizzata l-problema tat-traffiku f’diversi żoni ta’ pajjiżna.

Sport