Friday, November 1, 2024

L-Emirates Premium Economy tiċċelebra l-ewwel sena ta’ servizz sħiħ

... B’aktar minn 160,000 persuna jesperjenzaw il-lussu u l-kwiet ta’ din il-kabina

Aqra wkoll

Wara li stabbiliet tragwardi ġodda fl-industrija tal-ivvjaġġar Premium Economy, Emirates qed tiċċelebra l-ewwel sena ta’ operazzjonijiet b’servizz sħiħ f’din il-klassi tal-kabina tant popolari. Aktar minn 160,000 klijent għażlu li jtiru fl-Emirates Premium Economy minn meta ġiet introdotta f’Awwissu 2022, b’momentum qawwi ta’ domanda mbassar fix-xhur li ġejjin. Il-linja tal-ajru qed tipprovdi lill-vjaġġaturi aktar opportunitajiet biex jesperjenzaw il-prodott tagħha tal-Premium Economy li bħalissa huwa disponibbli fuq titjiriet lejn 11-il belt, bil-lista tikber għal 13-il belt sal-aħħar tas-sena, hekk kif aktar ajruplani rranġati b’dawn il-kabini jibdew joperaw titjiriet skedati. 

Minn meta l-Emirates varat il-klassi Premium Economy, ir-rispons tal-klijenti kien pożittiv ħafna bid-domanda taqbeż l-aspettattivi u l-prenotazzjonijiet jiżdiedu xahar wara l-ieħor. Kważi nofs il-klijenti li jtiru fl-Emirates Premium Economy huma vjaġġaturi waħedhom li jmorru għall-vaganzi, filwaqt li koppji u familji jikkostitwixxu n-nofs l-ieħor. Aktar minn 60% tal-klijenti li bbukkjaw biex itiru fil-Premium Economy fl-aħħar sena kienu wkoll membri leali tal-Emirates Skywards u klijenti regolari tal-linja tal-ajru.

Preżentament Emirates ittajjar l-ajruplani A380 tagħha bil-kabini Premium Economy lejn Londra Heathrow, Sydney, Melbourne, Auckland, Christchurch, Singapore, Los Angeles, New York JFK, Houston, San Francisco u Dubai, bit-titjiriet regolarment jirreġistraw full seat load fil-Premium Economy. Il-linja tal-ajru qed tippjana li tagħmel il-Premium Economy disponibbli għall-klijenti li jtiru lejn/minn Mumbai u Bengaluru mid-29 ta’ Ottubru, u bliet oħra se jitħabbru dalwaqt. Emirates bħalissa topera 20 ajruplan mgħammra bil-kabini Premium Economy, li 14 minnhom ġew retrofitted internament mit-tim tal-Emirates Engineering f’Dubaj matul l-aħħar disa’ xhur.

Minn Awwissu 2022, il-linja tal-ajru operat madwar 4,500 titjira bil-Premium Economy, li jkopru aktar minn 36 miljun kilometru madwar id-dinja. F’dawk it-titjiriet ġew servuti aktar minn 192,000 ikla mill-menus ikkurati b’reqqa kbira.  Dawn kienu jinkludu deżerti mżejjna b’weraq tad-deheb li jittiekel, fost affarijiet oħra. Il-menus Premium Economy jiġu aġġornati kull xahar biex tiġi żgurata diversità ta’ togħmiet u platti, speċjalment għall-klijenti li jivvjaġġaw spiss. Aktar minn 126,000 biċċa ċikkulata ġew servuti biex jikkumplimentaw l-ikliet għall-klijenti tal-Premium Economy, flimkien ma’ 6,700 kilogramma ta’ ġewż imħallat u 8,650 litru ta’ meraq tal-lumi u nagħniegħ frisk. L-għażla ta’ xorb li toffri l-Emirates fil-Premium Economy tinkludi inbid frizzanti Awstraljan, Chandon Vintage Brut 2016, flimkien ma’ għażla ta’ inbid abjad u aħmar uniku.

Il-filosofija tal-linja tal-ajru Emirates, li kontinwament iġġedded u tiddefinixxi mill-ġdid l-eċċellenza tas-servizz tagħha, u l-introduzzjoni tal-Premium Economy, wasslet biex tikseb numru ta’ premji u rikonoxximenti prestiġġjużi fil-kategorija tal-kabina fl-iSkytrax Awards, Business Traveller awards, Airline Ratings Excellence Awards u t-2022 Business Traveller Middle East Awards.

It-tnedija tal-Premium Economy hija parti mill-programm ta’ retrofit li permezz tiegħhu se jsir titjib intern fuq 67 kabina tal-ajurplani A380 tal-Emirates, kif ukoll 53 kabina tal-Boeing 777. Sa tmiem il-programm, se jiġu installati aktar minn 4,000 seats tal-Premium Economy, flimkien ma’ aktar minn 700 suite tal-First Class u 5,000 seats tal-Business Class

Sport