Monday, May 13, 2024

Sittax-il sena ħabs talli ġġieldu għad-drittijiet tal-ħaddiema fil-Venezwela

…….Is-sentenza mogħtija lil Gabriel Blanco, Astudillo, Cortes, Bracho, Melendez u Negrin mhux biss taffettwa lilhom imma taffettwa l-popolazzjoni kollha fil-Venezwela

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sittax-il sena ħabs. Din hi s-sentenza li ngħataw sitt trejdunjonisti fil-Venezwela. It-trejdunjonisti huma Gabriel Blanco, Nestor Astudillo, Reynaldo Cortes, Alcides Bracho, Alonso Melendez u Emilio Negrin. 

Sentenza ta’ sittax-il sena ħabs talli huma għamlu użu minn drittijiet li huma minquxin fil-Kostituzzjoni Nazzjonali tal-istess Venezwela. Sittax-il sena ħabs talli opponew deċiżjonijiet tal-gvern immirati biex jimminaw il-pagi u l-benefiċċji tal-impjegati pubbliċi fil-Venezwela.

Huma ħaduha kontra l-faqar li qiegħed dejjem jerfa’ rasu fil-Venezwela. 

Fil-ħidma tagħhom kienu qegħdin jinsistu li jkun hemm żidiet fis-salarji u kienu qegħdin jenfasizzaw li hu impossibbli li l-ħaddiema ikomplu jaħdmu taħt il-kundizzjonijiet attwali.

Dawn l-istess persuni fil-ħidma tagħhom tkellmu mal-ħaddiema sħabhom li huma stess jirrappreżentaw u rreżistew u rrifjutaw li jaċċettaw is-serq fil-miftuħ u bla mistħija ta’ benefiċċji li huma parti mid-drittijiet tal-istess ħaddiema. 

Imma min huma Blanco, Astudillo, Cortés, Bracho, Meléndez u Negrín? Qabel xejn dawn huma ċittadini Venezwelani sempliċi. Mexxejja ta’ unions. Tnejn  minnhom huma  attivisti għad-drittijiet tal-bniedem. 

Xi wħud minnhom, marbuta mal-organizzazzjoni politika Bandera Roja, li tfisser Bandiera Ħamra. 

U quddiem sentenza iebsa bħal din ma tistax ma tistaqsix b’liema reati ġew akkużati. Ir-reati li akkużawhom bihom huma ġeneriċi għall-aħħar. Fosthom hemm konfoffa u assoċjazzjoni kriminali Dawn huma l-aktar akkużi komuni, iżda mhux l-uniċi, użati biex iħassru, jeqirdu, u jxolju d-dritt ta’ protesti fil-Venezwela. 

Quddiem din is-sentenza qed joħroġ biċ-ċar li l-azzjoni tar-reġim fil-Venezwela hu wieħed ċar ħafna – dak li jbeżża u jimpressjona b’mod negattiv lin-nies, fejn protesta tkun xi tkun ir-raġuni, se tkun tfisser li hemm ir-riskju ta’ kastig ta’ 16-il sena ħabs.

L-effett ta’ din is-sentenza ta’ ħabs hu dak li jinqered il-prinċipju tal-libertà tal-unions, li finalment ifisser attakk sfrenat fuq id-difiża tal-ħaddiema biex ikunu protetti u mtejbin il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Imma x’kienet l-evidenza biex inħarġet sentenza bħal din? Il-Maġistrat kienet Grendy Alejanda Duque Carajal,  Imħallef li tippresiedi l-ġurisdizzjoni dwar it-terroriżmu. Minkejja s-sentenza li ngħatat jirriżulta li evidenza kontrihom ma kienx hemm.  Agħar minn hekk, il-parti li għamlet l-akkużi, lanqas biss dehret fil-Qorti. Ma tressqu ebda provi. Is-sentenza imma ingħatat fuq rapport minn dak li ssejjaħ bħala ‘patrijott li jikkopera’. ‘Patrijott’ li ħadd ma jaf min hu.

U quddiem din is-sentenza qegħdin iqumu argumenti ma jaqtgħu xejn dwar id-dritt tal-protesta fil-Venezwela, li hu garantit fl-Artikolu 68 tal-Kostituzzjoni. Fil-Kostituzzjoni fejn jidħlu l-protesti hemm biss rekwiżit wieħed, dak li l-protesti iridu jkunu paċifiċi u mhux armati jew vjolenti. 

Fil-Venezwela u anke l-barra minnha hemm tħassib kbir dwar din is-sentenza. Dak li kienu qegħdin jitkellmu u jiġġieldu dwaru dawn il-mexxejja ta’ unions ilu snin sejjer lura u jiddgħajjef.  Fost dawn is-salarji dejjem jiddgħajfu, il-kundizzjonijiet tax-xogħol sejrin lura, attakki ma jaqtgħu xejn fuq mexxejja ta’ unions, restrizzjonijiet fuq protesti tal-ħaddiema, tnaqqis fis-sigurtà fix-xogħol, politiċizazzjoni tad-dmirjiet tax-xogħol fejn impjegati tal-gvern huma obbligati jimmarċjaw u juru lealtà politika inkella fuq rashom ikollhom it-theddida li jitkeċċew fost oħrajn. 

Il-mistoqsija li qiegħda titqajjem hi dik ta’ x’se jiġri minn issa ‘lquddiem. Is-sejħiet huma ċari biex is-sentenza titreġġa lura. Qegħdin isiru pressjonijiet kemm internazzjonali u anke fil-Venezwela biex din is-sentenza titreġġa lura’.

Dawn is-sitt trejdunjonisti kienu ġew arrestati f’Lulju tas-sena li għaddiet.   F’Mejju li għadda diversi ħaddiema kienu ħarġu jipprotestaw fit-toroq u fost id-dikjarazzjonijiet li għamlu kien hemm dik li dawn ilhom għaxar xhur arrestati meta l-Uffiċċju Prosekutur  ma kienx kapaċi jressaq bħala xhud lil dan  il-‘patrijott li jikkopera’ fil-Qorti.

Proprju fl-aħħar jiem l-ITUC, u l-organizazzjoni reġjonali tagħha għall-Amerika, TUCA,  iddeploraw din is-sentenza. 

F’ittra li kitbu lill-President tal-Venezwela, Nicolas Maduro, huma ddeskrivew is-sentenza bħala ‘arbitrarja’  u li tikser id-drittijiet bażiċi tal-individwi.   Infurmawh ukoll li s-sentenza tikser  id-dritt ta’ attività trejdunjonistika.  Huma talbu li s-sentenza tkun revokata. Dan waqt li fil-Venezwela il-protesti ma naqsux.

Sport