Tuesday, December 24, 2024

L-Emirates se torganizza avveniment ta’ reklutaġġ f’Malta għall-ekwipaġġ tal-kabina

Aqra wkoll

Malta, 14 ta’ Diċembru 2022 – Emirates, l-ikbar linja tal-ajru internazzjonali fid-dinja, qed tfittex persuni ġodda biex jingħaqdu mal-ekwipaġġ multinazzjonali tagħha. Għal dan il-għan, il-kumpannija se torganizza attivita` ta’ reklutaġġ għall-ekwipaġġ tal-kabina nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Diċembru 2022 fir-Radisson Blu Resort f’San Ġiljan. Din se tkun is-sitt attivita` ta’ reklutaġġ f’Malta fl-2022, turija tal-fiduċja tal-Emirates fis-suq Malti. 

Il-linja tal-ajru qed tfittex nies entużjasti biex joffru esperjenza ta’ ospitalita` sempliċi, individwalizzata u ta’ kwalita` eċċezzjonali li ssawwar il-memorji tal-passiġġiera tagħha. Il-persuna ideali biex tapplika għal dan ir-rwol għandha tkun kunfidenti u kapaċi tassumi attitudni ta’ tmexxija f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tas-servizzi fuq l-ajruplan, proċeduri ta’ sigurta` u sikurezza. Kull membru tal-ekwipaġġ jingħata l-opportunita` li jirċievi taħriġ tal-għola livell ġewwa faċilita` ‘state of the art’ tal-Emirates f’Dubai. 

L-applikanti li qed jaspiraw li jagħtu spinta partikolarment notevoli lill-karriera tagħhom għandhom jiġu fid-data u l-post imsemmija hawn fuq u jġibu magħhom curriculum vitae (CV) aġġornat bl-Ingliż u ritratt reċenti. Għall-fini ta’ esperjenza pjaċevoli u bla intoppi, qed jiġi ssuġġerit li wieħed jirreġistra fuq is-sit https://www.emiratesgroupcareers.com/cabin-crew qabel l-attivita`. Dawk l-individwi li jkunu għadhom ma applikawx online, jistgħu jagħmlu dan fl-istess Open Day fir-Radisson Hotel. Iktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti  fil-proċess tal-għażla tinsab fuq is-sit www.emirates.com/careers. L-attivita` ta’ reklutaġġ tibda fid- 9:00 u l-applikanti għandhom ikunu lesti li jqattgħu l-ġurnata sħiħa fil-post. Dawk magħżula f’din il-fażi jingħataw appuntament għal evalwazzjoni u intervisti iktar fil-fond dakinhar stess. 

Il-linja tal-ajru Emirates tħaddan ekwipaġġ internazzjonali li jikkonsisti f’membri ta’ 160 nazzjonalita’ differenti u li jirrifletti d-diversita` tal-klijentela tagħha u s-servizzi tal-ajru mferrxa f’6 kontineti u ‘l fuq minn 130 belt, permezz ta’ flotta moderna ta’ iktar minn 200 ajruplan wide body. L-Emirates hija l-linja tal-ajru li għandha l-ikbar numru ta’ ajruplani Boeing 777 u Airbus A380. 

L-Emirates toffri opportunitajiet ta’ karriera eċċezzjonali, riżorsi ta’ taħriġ mill-aqwa u diversi inċentivi għall-iżvilupp tal-impjegati tagħha. Il-membri kollha tal-ekwipaġġ tal-Emirates huma stazzjonati f’Dubai, belt vibranti u kosmopolitana, u jirċievu pakkeġġ attraenti ta’ benefiċċji li jinkludi salarju eżentat mit-taxxa, akkomodazzjoni u trasport bla ħlas, assigurazzjoni medika eċċellenti u roħs speċjali fuq xiri u attivitajiet ta’ divertiment f’ Dubai. Il-membri tal-ekwipaġġ jirċievu wkoll benefiċċji tal-ivjaġġar għalihom kif ukoll għall-membri tal-familja u ħbieb tagħhom lejn id-destinazzjonijiet li fihom topera l-Emirates. 

L-Emirates ilha topera f’Malta għall-aħħar 24 sena u preżentament toffri servizz tal-ajru ta’ kuljum lejn u minn Dubai b’waqfa f’Larnaca.

Ekonomija

Sport