Saturday, December 14, 2024

“L-emozzjoni fuq wiċċ il-familjari meta tinstab persuna kienet kbira”

Iċ-Chief Assistance and Rescue Officer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili Charles Grima

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sibna ħafna familjari li kienu qed jgħinu huma wkoll fit-tfittxijiet. Kif issib persuna jkun hemm kommossjoni kbira min-naħa tagħhom.” Qal dan ma’ Talk.mt iċ-Chief Assistance and Rescue Officer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili, Charles Grima, li kien parti mill-ewwel grupp ta’ 32 uffiċjal u kelb li marru t-Turkija biex jgħinu fit-tfittxijiet wara t-terremoti li laqtu lil dan il-pajjiż.

Din kienet l-ewwel darba li ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili siefru barra l-pajjiż sabiex isalvaw lil ħaddieħor. Malta bagħtet l-għajnuna tagħha permezz ta’ ħaddiema tas-salvataġġ tal-protezzjoni ċivili li huma mħarrġa għal dan il-għan.

Huma għamlu ġimgħa jaħdmu fil-belt ta’ Malatya, waħda mill-ibliet milquta mit-terremot. Fl-aħħar jiem intbagħat grupp ieħor ta’ 32 ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili u tmien voluntiera ġewwa t-Turkija biex jassistu fid-diżastru li ħalla t-terremot.
Fil-kummenti tiegħu ma’ dan is-sit, is-Sur Grima stqarr li: “amalgamajna ma’ gruppi oħra fit-tfittxija, anke ma’ entitajiet oħra li kien hemm fuq il-post. Stajna ninnotaw ukoll il-kommossjoni tal-pubbliku fuq il-post.”

Huwa qalilna li tul il-ħidma tagħhom esperjenzaw kesħa kbira b’mod partikolari matul il-lejl fejn it-temperaturi kienu niżlu sew taħt iż-żero. Qal ukoll li ħadmu b’shift li jinbidel kull sitt sigħat u anke billejl, li fi kliemu stess kien wieħed “iebes ħafna”.

Iċ-Chief Assistance and Rescue Officer fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili Charles Grima.

Spjega kif il-ħaddiema kienu lebsin ħwejjeġ apposta biex jilqgħu għal din il-kesħa u saħansitra użaw generators biex ikunu jistgħu jsaħħu t-tined tagħhom. Fost l-affarijiet li tellgħu magħhom kien hemm ukoll ċilinidri tal-ossiġnu, li iżda kellhom jittellgħu vojta fuq l-ajruplan u mtlew malli waslu fil-post.

“Meta tiltaqa’ mal-familjari, tara l-emozzjoni tagħhom. Tipprova tispjegalhom li qed tagħmel minn kollox. Mhux kulħadd jifhmek,” qal is-Sur Grima. Huwa tenna li minn qalb it-tifrik ħarġu 18-il persuna, li sfortunatament kienu kollha bla ħajja.

Sadanittant, fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ġewwa Ħal Far stajna ninnotaw ukoll ammont kbir ta’ provvisti li ntbagħtu mill-pubbliku sabiex dawn jintbagħtu lejn it-Turkija u s-Sirja bħala għajnuna wara t-terremoti tal-aħħar jiem.

Ekonomija

Sport