Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
Meta kont żagħżugħ kelli l-ħajra li naqbad sport u kont mort nagħmel prova mat- tim tas-Siġġiewi BC. Kien għoġobni l-fatt li kont parti minn tim u l-entużjażmu tal- kompetizzjoni. Minn dakinhar ‘l hemm bqajt nipprattika dan l-isport u llum il- ġurnata bqajt involut fir-rwol ta’ kowċ.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Athleta.
Peressli t-tim tan-nisa tal-Athleta kien ġdid dan l-istaġun wara nuqqas ta’ xi snin, kellna ħafna preparamenti fix-xhur ta’ qabel beda l-kampjonat. Bl-għajnuna tal-kumitat speċjalment Joseph Miceli u Matthew Pisani bdejt ingaġġ ta’ plejers ġodda għall-klabb u l-ewwel objettiv li kelli kien li noħloq sinerġija tajba bejn dan il-grupp. Ħassejt li matul l-istaġun kelli r-rwol li nimmotiva u mmexxi lill-plejers ħalli noħorġu bl-aħjar prestazzjoni possibli waqt il-logħob.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
L-għan tiegħi dan l-istaġun kien li nistabilixxu ruħna bħala tim kompetittiv. Rigward il-plejers f’dan it-tim kien hemm taħlita ta’ esperjenza. Għenet ħafna l-plejer Amerikana Kennedi Williams li kienet il-pedament ta’ dan it-tim. Fil-fatt rebħet ukoll l-unur tal-Plejer tax-Xahar ta’ Diċembru. Kellna grupp ta’ plejers li rritornaw jilagħbu u oħrajn li kienet l-ewwel esperjenza tagħhom fid-diviżjoni tan- nisa. Kont naf li ma kienx ħa jkun pass faċli li tikkompeti kontra timijiet iktar stabbiliti minna, imma dejjem bqajna bħala tim niġġieldu għal kull logħba li kellna quddiemna. Ħassejt li iktar ma beda jgħaddi ż-żmien it-tim beda jsir iktar magħqud kemm fil-ħbiberija ta’ bejn il-plejers u anke fl-andament tal-logħba.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-basketball f’pajjiżna fil-preżent?
Jien qed nara l-livell jitjieb minn staġun għall-iehor u dak jgħin biex jagħmel il- logħba iktar sabiħa u interessanti. Kelli wkoll ix-xorti li nassisti lill-kowċ Charlie Bonnici mat-tim nazzjonali tan-nisa fil-kompetizjoni tal-FIBA fejn anke rbaħna midalji tal-fidda. Dan jipprometti sew u juri l-livell tajjeb li lħaqna bħala timijiet Maltin. Fil-livell ta’ kategoriji taż-żgħar in-numru tat-tfal li qed jipprattikaw dan l- isport dejjem qed jiżdied fejn anke qed naraw żieda fin-numru ta’ timijiet li qed jipparteċipaw.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Illum il-ġurnata Malta għandna padiljun ta’ livell internazzjonali taħt l-amministrazjoni tal-Malta Basketball Association (MBA). Inħossni grat li għandna post ta’ dan il-livell fejn nistgħu nipprattikaw dan l-isport tagħna. Nawgura li l-padiljun il-ġdid ta’ Għawdex ikun tal-istess livell u li jkun jista’ ‘l quddiem jilqa’ logħob nazzjonali u internazzjonali.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?
Jien inħobb nimxi pass wara pass. Peró, fl-istaġun li ġej ħa nkompli niggwadanja sena oħra ta’ esperjenza fil-kampjonat tan-nisa mat-tim tal-Athleta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-basketball.
Bħal kull sport ieħor, daqqa tiġik logħba tajba u daqqa l-affarijiet ma jiġux kif tixtieq. Peró, għandek dejjem tippersisti u tagħmel ħiltek kollha. L-emozzjonijiet li jiġu mil-logħba tal-basketball, jekk hux partitarju, plejer jew kowċ m’hemmx bħalhom, u l-memorji li tagħmel, u l-ħbiberiji li tibni jibqgħu għal ħajtek kollha, anke meta ma tkunx irbaħt il-kompetizzjoni. Li tkun parti mill-proċess hu l-isbaħ esperjenza li jista’ jkollok!