Monday, November 4, 2024

L-ERA bi 3,000 rapport dwar rimi irregolari ta’ skart fl-2022

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-2022, l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kompliet issaħħaħ servizzi ġodda online li jagħtu opportunità lill-publiku jassisti lill-Awtorità b’mod elettroniku billi jirrapportaw fejn hemm skart mormi b’mod irregolari, speċjalment f’siti naturali.

Bl-għajnuna ta’ dawn l-applikazzjonijiet diġitali flimkien ma’ metodi oħra ta’ kuntatt bħat-telefon, is-sena l-oħra l-Awtorità rċeviet aktar minn 3,000 rapport ta’ rimi irregolari ta’ skart u anke irregolaritajiet oħra ambjentali.

Waqt diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat kif mezz prinċipali ta’ kif l-Awtorità qiegħda tiżgura l-parteċipazzjoni ta’ kulħadd fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent ta’ pajjiżna huwa bl-investiment f’sistemi diġitali aktar aċċessibbli u faċli ta’ kuntatt, rappurtaġġ u proċessar ta’ applikazzjonijiet għall-pubbliku.

Fil-fatt, l-Awtorità żiedet sistema ġdida fuq l-infurzar li permezz tagħha l-pubbliku jista’ jdaħħal rapporti dwar ksur ta’ liġijiet ambjentali f’sistema diġitali li tiżgura li kull każ ikun investigat u segwit. Għalhekk is-sistema IRIS tinkludi wkoll għodda diġitali marbuta mal-konformità u l-infurzar f’qafas wieħed. Dan ifisser li l-ERA qed tipproċessa l-permessi u l-azzjonijiet ta’ infurzar kollha b’din is-sistema diġitali.

Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar il-monitoraġġ li qed isir tal-barrieri f’Malta u Għawdex permezz ta’ drones. “Dan wassal biex tlesta proċess ta’ 3D modelling tal-barrieri u b’hekk għandna stampa aktar ċara tal-istat ta’ konformità tal-barrieri mal-liġijiet ambjentali u issa nistgħu nkomplu niġbru informazzjoni dwar l-ispazju disponibbli li jkun jista’ jintuża biex jilqa’ skart mill-industrija tal-kostruzzjoni li finalment iwassal biex barrieri antiki jiġu rijabilitati u mibdula għal għanijiet oħra ferm sostenibbli.”

Intant, hija semmiet kif bl-introduzzjoni tas-separazzjoni tal-iskart mandatorja, l-ERA qed taħdem biex inkomplu ntaffu l-impatt tal-iskart fuq l-ambjent. Qalet li fix-xhur li ġejjin l-Ispetturi tal-ERA u entitajiet oħra jduru fit-toroq biex jedukaw lil-pubbliku dwar kif nisseparaw l-iskart.

“Nemmnu li biex bidla daqstant importanti tkun suċċess irid ikun hemm spirtu ta’ koperazjoni u edukazzjoni. Ridna lill-pubbliku jidra dawn ir-regolamenti ġodda. Għalhekk wara dan il-perjodu ta’ edukazzjoni, se nimxu għal infurzar aktar iebes anke permezz ta’ multi,” tenniet il-Ministru Dalli.

Sport