Thursday, April 18, 2024

L-ERA bl-ewwel RHIB biex isaħħaħ is-sezzjoni tal-infurzar f’attivitajiet marittimi

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €170,000, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) xtrat l-ewwel rigid-hull inflatable boat (RHIB) tagħha biex issaħħaħ l-infurzar f’żoni marittimi. Dan ġie inawgurat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli flimkien mal-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca.

“Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €170,000, l-ERA qed iżżid l-awtonomija tagħha u saħħaħ il-monitoraġġ f’żoni marittimi protetti u fejn jidħlu attivitajiet kummerċjali oħra bħal fish farms”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli kompliet tħeġġeġ lill-pubbliku jiddisponi mill-iskart b’mod responsabbli.

“Fix-xhur tas-sajf naraw żieda ta’ skart, b’mod speċjali fejn il-baħar, hekk kif  tiżdied aktar l-attività fl-ibħra tagħna. Dan qed iħalli impatt negattiv fuq il-ħajja marittima. Permezz tas-tisħiħ fil-monitoraġġ tal-ERA, flimkien max-xogħol ta’ entitajiet oħra,  qed naraw żieda fl-għarfien u aktar nies qed jirrispettaw l-ambjent ta’ madwarhom”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Sur Mercieca spjega li dan l-investiment se jkompli  jsaħħaħ l-irwol tal-ERA biex tassigura sorveljanza f’żoni sensittivi li jagħmlu parti mir-rekwiżiti legali marbutin mal-liġi. L-ERA toħroġ rekwiżiti legali lil diversi operaturi tal-baħar meta jinħarġu permessi biex joperaw, bl-għan li jassiguraw protezzjoni ambjentali.

“F’dawn l-aħħar ġimgħat, 20 uffiċjal tal-ERA ingħataw it-taħriġ meħtieġ biex ikunu jistgħu joħorġu fuq il-baħar u jagħmlu l-ispezzjonijiet meħtieġa. Issa l-ERA tista’ tagħmel monitoraġġ f’żoni li mhux dejjem kien possibbli jintlaħqu mill-art”, żied jgħid is-Sur Mercieca.

Id-dgħajsa, Altamarea WAVE27 hija twila madwar 8.5 metru u hija attrezzata b’żewġ magni Yamaha 150HP u tiżen madwar 1,250 kilo. Din id-dgħajsa tesa’ sa 12-il passiġġier u hija kapaċi tilħaq veloċità ta’ aktar minn 40 knots.

Ekonomija

Sport