Sunday, December 22, 2024

L-ESP ta’ ġid kbir għall-pumpiera li għaddew minn trawma fl-2023

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Id-Dipartiment biex inkun ġust huwa minn mindu ġie mwaqqaf jipprepara ruħu biex jgħin barra minn Malta u meta seħħ il-każ tat-Turkija ħassejna li kien wasal il-mument li Malta tista’ tagħti l-assistenza”.

Iddikjara dan id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro f’intervista ma’ dan s-sit meta mistoqsi dwar l-assistenza umanitarja barra mill-pajjiż u kemm dawn swew biex niksbu aktar esperjenza.

Coleiro qalilna li din is-sena attendejna fi tliet inċidenti fit-Turkija, il-Greċja u l-Libja. Tal-Greċja, id-dipartiment kien preparat x’se jsib minħabba t-tibdil fil-klima. Kienu proprju l-Griegi stess li talbu għall-assistenza tagħna bħala Maltin għax bħala uffiċjali jifilħu għal dik is-sħana u għalhekk setgħu jkunu ħafna iktar utli minn pumpiera Nordiċi.

Tkellem dwar Kilometri kbar fejn il-veġetazzjoni twaqqfek milli tgħaddi u għalhekk kellhom jinxtraw ilbies apposta li Malta ma jintużawx iżda kienu neċessarji biex il-pumpiera jkunu jistgħu jaraw lil xulxin għax inkella jkollok riskju kbir għal dawk involuti.

Bħala esperjenza, Coleiro qalilna li meta tkun qiegħed tagħti għajnuna umanitarja jkollok apparat limitat x’tista’ ġġorr miegħek u għalhekk tkun tista’ tgħin iktar b’dak li jkollok. Barra minn hekk huwa qal li din l-għajnuna tagħmel tajjeb għall-isem ta’ pajjiżna u ttejjeb ir-relazzjoni tagħna ma’ pajjiżi oħra. Huwa qal li dawn it-tliet pajjiżi huma lkoll grati li offrejnielhom l-għajnuna tagħna.

Mistoqsi jekk huwiex l-istess tim li jkun imħarreġ biex jgħin barra minn Malta, Coleiro qal li minkejja li bħala pumpiera huma obbligati biss biex jassistu f’pajjiżna, huma biss waħdiet il-każi ta’ persuni li jitolbu li ma jmorrux.

Qalilna li bħala Direttur jħossu verament kburi li dawn il-waħdiet lanqas huma każi ta’ persuni li jirrifjutaw, iżda każi fejn uffiċjal ikun għaddej minn perjodu importanti ħafna f’ħajtu bħalma huma eżamijiet jew stennija minn jum għall-ieħor ta’ tarbija ġdida fil-familja. 

Persuni dedikati mill-ESP kruċjali f’każi bħalma kienet il-mewt tal-pumpier Zammit

“Malli inti tara l-familjari, tara xeni ta’ dmija fejn iweġġgħu n-nies, se jkollhom impatt fuqek. Il-gvern għandu l-programm tas-sapport lejn il-ħaddiem (ESP)”, kompla Coleiro filwaqt li spjega dwar sfidi psikoloġiċi li jkollhom jaffaċċjaw dawn l-uffiċjali li jintervjenu f’inċidenti traġiċi.

Huwa faħħar ħafna lil dawn in-nies dedikati li jaħdmu lil hinn mill-uffiċini tagħhom f’każi bħalma kienet il-mewt tal-kollega Joseph Zammit. Zammit tilef ħajtu meta kien qiegħed jagħti s-servizz tiegħu biex jiġu kontrollati nirien f’Pembroke f’Settembru li għadda. Huwa kien instab mitluf minn sensih waqt li kien qiegħed iħaddem xi pompa u minkejja assistenza medika fil-post, sfortunatament huwa kien ġie ċertifikat mejjet ftit ħin wara l-wasla tiegħu fl-Isptar. Hawnhekk Coleiro qalilna li f’dawk is-snin kollha Zammit kien ħadem ma’ diversi pumpiera oħrajn u f’ħakka t’għajn kien hemm għexieren ta’ uffiċjali li semgħu bl-aħbar u ħassew li kellhom ikunu viċin tiegħu.

“Il-mewt tiegħu fixklet lil kulħadd. Nemmnu li l-ESP għamlet ħafna ġid. Hija xi ħaġa silenzjuża għax pumpier li jgħaddi minn din is-sitwazzjoni jibda jistaqsi x’għamel ħażin jew x’seta’ jagħmel aħjar. Dan meta ħafna drabi l-kontroll ma jkunx f’idejk iżda fis-sitwazzjoni. Nagħmlu dak kollu li nistgħu imma jkun hemm każi fejn meta tissejjaħ l-assistenza jkun diġà tard wisq”, tenna Coleiro.

Għalfejn jittieħed daqstant ħin f’operazzjonijiet kbar?

Dwar kollassi kbar fejn persuni jintradmu, staqsejna rigward ċertu dewmien li jqajjem diversi reazzjonijiet b’uħud jifhmu u diversi oħrajn li jikkritikaw li m’għandux jittieħed daqstant ħin biex tinstab u tiġi rkuprata persuna. 

Coleiro hawnhekk qalilna li meta jkollok kollass, minkejja li jkollok għexieren ta’ pumpiera fuq il-post, ma tistax iddaħħal ħafna nies għax jekk il-binja hija nstabbli, se jkollok riskju ta’ kollass sekondarju bil-pumpiera li jista’ jħarbat l-operazzjoni sħiħa. Tkellimna miegħu dwar il-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia u qalilna li xtaq li kieku seta’ jdaħħal 100 pumpier hemm ġew, iżda l-każ jiddetta kif trid taħdem. Qalilna dwar kif mill-ikbar sal-iżgħar uffiċjal jibdew bi pjan li jista’ jinbidel minn ħin għall-ieħor. Issir evalwazzjoni tal-progress u jekk dan ma jkunx wieħed viżibbli, issir reviżjoni u jinbeda pjan ieħor. 

“Il-prinċipju huwa li l-inqas nies possibbli jirfsu. Il-klieb pereżempju idealment ma jkun daħal ħadd. Ix-xamm tiegħu huwa xi ħaġa inkredibbli imma jekk se jkunu daħlu ħafna nies qablu se tfixklu fil-ħidma tiegħu”, kompla biex jispjega Coleiro filwaqt li elabora li għalkemm huma klieb tax-xogħol, għalihom din hija bħal logħba. Kien hemm sitwazzjoni li l-kelb ma setax jinżel mingħajr handler għax kien hemm riskju kbir li jinżlu t-tnejn. Dawn huma kollha affarijiet li trid tesperjenzahom biex forsi tifhem minn xiex ikunu għaddejjin dawn il-pumpiera f’dawk is-sigħat impenjattivi.

Mhix faċli biex tagħżel … imma fejn huwa inevitabbli l-bniedem jingħata prijorità

“Id-dipartiment minn dejjem kien jagħti każ l-annimali. Kull meta stajna dejjem għamilnieha. Illum il-poplu sar qisu ġurnalist għax jieqaf u bilkemm tinduna li jkun ħa ritratt jew filmat”, kompla biex jgħidilna Coleiro meta mistoqsi dwar l-inċidenti fejn id-dipartiment ikollu jissejjaħ  u li fihom ikunu involuti l-annimali. 

Huwa kien ċar li għalkemm tkun l-ikbar delużjoni tagħhom, f’każ fejn il-pumpier ikollu jagħżel bejn il-ħajja ta’ bniedem u ta’ annimal, f’każi li hemm riskju enormi li ma jistax isalva lit-tnejn, huwa l-bniedem li jingħata prijorità. Qalilna li ironikament minkejja minn jaf kemm ħajjiet ta’ bnedmin isalvaw kull ġimgħa, ritratt ta’ kelb jew qattus li jkun qiegħed jingħata assistenza medika minħabba pereżempju duħħan, sar ikollu ħafna aktar reazzjonijiet pożittivi minn każ ta’ persuna li tiġi salvata minn xi każ serju pereżempju xi waqgħa mill-għoli.

 

Is-sejħa ma ssirx fuq Facebook imma lill-112

“Nixtieq nagħmel appell. Qiegħed ikollna nies li jieħdu filmat u jibagħtulna fuq Facebook, meta s-sejħiet jidħlu mill-112. Kellna każ fejn irċevejna diversi filmati ta’ mara f’karozza li kellha tarbija u l-karozza li kienu fiha kienet potenzjalment qiegħda taqbad minħabba xi ħsara li l-mara ma kinitx konxja tagħha”, żied jirrakkonta Coleiro filwaqt li qal kulħadd kien qiegħed jiġbed il-filmat meta l-mara u t-tarbija kienu fil-periklu sakemm finalment persuna minnhom marret u għenithom. 

Qalilna li sfortunatament, mhux biss f’pajjiżna, imma anke barra, jeżistu każi ta’ persuni li ma jirrealizzawx il-periklu li jkunu fih bħalma huma nirien f’postijiet fejn dak li jkun minflok jevakwa, jkun iffukat pereżempju fuq xi selfie li bih jista’ jikseb ċertu fama fuq il-midja soċjali. Dan meta fi ftit sekondi dan il-persuna jista’ jsib ruħu f’riskju serju li jitlef ħajtu. 

Investiment f’tim ta’ komunikazzjoni

Bħala tim tal-komunikazzjoni, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għadu qiegħed jinvesti f’taħriġ biex fiż-żmien li ġej ikun hemm komunikazzjoni aħjar mal-ġurnalisti u mhux biss tinħareġ informazzjoni iktar korretta sal-inqas dettal, iżda jkun hemm inqas telf ta’ ħin mill-uffiċjali fuq il-post biex jasal il-messaġġ.

Coleiro qalilna li jekk ikun hemm l-uffiċċju tal-komunikazzjoni, xorta se jibqa’ jkun hemm lok għal intervista, imma f’każi ta’ inċidenti serji, jinħareġ messaġġ wieħed lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha u dawk li jkunu jistgħu jirrappurtaw jkollhom kull sapport bl-aħħar dettalji minn fuq il-post.

Din is-sistema l-ġdida se tkun qiegħda sservi biex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jxerrdu b’mod aktar mgħaġġel appelli bħalma huma biex jinżammu twieqi u aperturi magħluqin f’ċertu żoni jew appell biex tiġi evitata ċertu żona biex il-pumpiera jkunu jistgħu jħaffu aktar biex jidħlu b’vetturi bħalma huma dawk kbar li jitrasportaw eluf ta’ litri ta’ ilma. Spjegalna li operazzjoni għandha diversi fażijiet fejn l-aktar veloċi  jkunu uffiċjali individwali f’vetturi żgħar, imma minn hemm jibda jiħadem il-pjan biex tissejjaħ għal aktar assistenza. 

Mira li d-dipartiment jikber u jqarreb l-400 uffiċjal

“Xi ħaġa oħra hija li meta jkun hawn inċidenti li jaffettwaw lill-pajjiż kollu, kull min jitlob għall-għajnuna fuq każi iżgħar xorta waħda jridu jingħataw l-istess kwalità ta’ għajnuna”, saħaq Coleiro filwaqt li nnota li t-tim qiegħed jikber bil-mira li jqarreb l-400 uffiċjal fix-xhur li ġejjin, bħalissa hemm 255 u 64 rekluta u wara hemm il-preparament biex jidħlu madwar 70 persuna oħra.

Mistoqsi fuq kemm hi diffiċli biex tattira persuni li jidħlu għal dan ix-xogħol. Huwa qalilna li l-poplu Malti minnu nnifsu jħobb jgħin u jaħseb li dik hija l-aktar raġuni valida għal kif f’dan l-istadju jista’ jikkonferma li d-domanda ta’ dawk li jixtiequ jingħaqdu fid-dipartiment hija waħda sodisfaċenti.

“Finalment nagħlaq b’din. Jiena kburi ħafna b’dan it-tim għax meta jkollna sejħa biex ngħinu anke barra minn Malta, l-uffiċjali mhux talli ma jkunux sfurzati, iżda saħansitra kważi jurtaw ruħhom jekk ma jintgħażlux. Qatt ma kellna xi ħadd li jirrifjuta”, temm Coleiro.

Ekonomija

Sport