Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt nilgħab il-futbol minn mindu kelli erba’ snin fejn kien ħeġġiġni missieri biex nibda. Kont mort sessjoni ta’ taħriġ għall-ewwel darba mal-Hamrun u minn dak inhar ma waqaftx nilgħab. L-interess baqa’ jikber malli bdejt nara l- futbol internazzjonali speċjalment il-Liverpool. Bħala plejer, Lionel Messi minn dejjem kien l-idolu tiegħi għax huwa plejer eżemplari, b’talent straordinarju u huwa l-aqwa plejer li qatt eżista fid-dinja!
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Mġarr United FC b’self mingħand Hamrun Spartans FC?
Hija esperjenza ġdida li nitlaq b’self u waħda importanti fil-karriera tal-futbol tiegħi għax l-ewwel darba li ħa nilgħab ma’ tim li mhux il-Hamrun. Għandha sservi bħala esperjenza sabiħa u waħda bżonnjuza biex navvanza fil-karriera tiegħi.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
L-istaġun li ġej inħares lejh bħalma nħares lejn kull staġun … inkun aħjar milli kont is-sena li għaddiet u naħdem ma’ plejers ġodda biex nirbħu l-unuri li l-klabb u aħna l-plejers nixtiequ.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Hamrun Spartans FC.
L-esperjenza mal-Hamrun hija waħda pożittiva mmens. Kien hemm rispett miż-żewġ naħat. Is-sena l-oħra kienet l-iktar sena fejn avvanzajt għaliex kont inkluż mal-ewwel 11 mat-tim tal-kbar. Hija opportunitá u esperjenza li kull plejer jixtieq fil-karriera tiegħu, għax mhux facli tibda maċ-champions ta’ Malta.
Apparti t-tim tal-kbar, kont ukoll captain tal U20 mal-Hamrun. L-esperjenza li kelli bħala captain kienet ta’ għajnuna kbira għalija, għax tatni opportunitá nitgħallem ħafna, nieħu aktar responsabbiltá u nikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol f’pajjiżna fl-opinjoni tiegħi qiegħed jiżdied. Għad hemm xi distanza x’nilħqu meta nqabbluh ma’ pajjiżi barranin, imma qed naraw aktar plejers żgħażagħ li qed jitilgħu b’talent u mentalità serja.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Ir-riżorsi fejn nitħarrġu u nagħmlu l-kompetizzjonijiet tagħna żgur tjiebu ħafna f’dawn l-aħħar snin. Eżempju ċar huwa l-Victor Tedesco Stadium fejn inbidlet l-art is-sena l-oħra li għenet lili u lil shabi nittrenjaw u nilagħbu fuq art iktar professjonali. Dan filwaqt li nbidel is-Centenary Stadium li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa grawnds ġewwa Malta li jintlagħbu ħafna logħob fih.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?
Il-mentalitá tal-isport f’Malta għadha qed tiżviluppa. Għadna naraw ħafna passjoni, spjeċjalment fi sport bħall-futbol, iżda kultant tonqos il-professjonalitá. Hemm bżonn aktar għarfien dwar l-importanza tad-dixxiplina sabiex nilħqu livell iktar għoli.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Impossibli tgħid fejn ħa tilħaq fil-futur, peró, l-għan tiegħi hu li nkompli bil- ħidma li qed nagħmel bħalissa, biex nilgħab fl-iktar livell għoli possibli f’Malta.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, ngħidlu biex qatt ma jaqta’ qalbu. Irnexxielhom jaslu biss dawk li juru dixxiplina, determinazzjoni u mħabba lejn il-logħba. Il-mixja mhux dejjem faċli, imma b’ħidma bla waqfien, b’sagrifiċċji u b’mentalitá pożittiva tista’ tasal fejn tixtieq. Emmen fik innifsek u fit-tim tiegħek, u l-passjoni tiegħek tkun il-qawwa li tmexxik ‘il quddiem!