Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Għaxar snin ilu, kont mort noqgħod Chamonix fi Franza, villaġġ fl-Alpi li huwa l-mekka tat-trail running fl Ewropa u jattira trail runners. Hemmhekk skoprejt bid-dinja ta’ trail running li qabel lanqas kelli idea li teżisti, u ġejt ispirat minn dak li rajt. Għalija kienet tal- għeġubijiet li nara atleti jiġru fuq it-trails fil-muntanji fuq l-imħarbat, u minn hemm xtrajt l- ewwel żarbun tal-ġiri tiegħi u bdejt nipprova niġri fuq it-trails ta’ Chamonix. Minn dakinhar ‘l hawn, għaddew 10 snin mindu għamilt l-ewwel passi tiegħi u pparteċipajt f’iktar minn 120 tiġrija ta’ distanzi diversi, u kelli sitt rappreżentazzjonijiet mat-tim nazzjonali tal- mountain running.
X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
Li spiċċajt fuq il-podju fis-Salomon Cappadocia Ultra Trail 63km fl-2022 kien żgur mhux mistenni, xejjirt il-bandiera ta’ Malta fuq il-palk internazzjonali, u l-aktar riżultat prestiġjuż ta’ trail li qatt sar minn Malti. Kienet distanza ġdida għalija u ma kellix aspettattivi dwar il-prestazzjoni tiegħi. Fl-2023, ġejt mistieden mill-organizzaturi tat-tiġrijiet CUT bħala elite, u tejjibt il-ħin tiegħi fuq l-istess rotta u sibt ukoll podju ieħor.
Lokalment, irbaħt erba’ darbiet il-Gozo 50k Ultra Trail u ħames darbiet il-Victoria Lines trail, irbaħt tmien darbiet The Grid, u ksibt madwar 15-il rebha fi trail races lokali. Ksibt ukoll podju permezz tat-tielet post fil-Corsa Half Marathon tal-2023.
Fil-kategorija Spartan Pro, ksibt it-tielet post fl-iSpartan Ultra Morzine, tiġrija ta’ 55km b’ 60 ostaklu fil-muntanji ta’ Morzine. Din tibqa l-iktar OCR race diffiċli li qatt għamilt, u minnha kkwalifikajt għal Spartan Ultra World Championshiops fl-istess post, sena wara.
Fil-jiem li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Barcelona fi Spanja. Agħtina iktar dettalji.
Iva, proprju l-Ħadd 16 ta’ Frar ġewwa Barcelona seħħet in-Nofs Maratona, waħda mill- iktar veloċi fl-Ewropa u li tattira wħud mill-aqwa atleti minn kull kontinent. Tletin elf ruħ jieħdu sehem, u hija event ta’ fama mondjala, tant hu hekk li din is-sena nkiser il-World Rekord tan-Nofs Maratona fl-istess tiġrija li kkompetejt fiha. In-Nofs Maratona tiegħi spiċċajtha f’siegħa u għaxar minuti u 52 sekonda (1hr10’52”) li huwa rekord personali għalija. Kburi mmens li erġajt tejjibt il-ħin minn fuq tas-sena l-oħra.
Normalment fil-bidu ta’ kull sena, inħobb nibda l-ewwel xahrejn niġri maratoni fit-triq biex inħejji ruħi u nibni veloċitá għat-tiġrijiet li jkunu ġejjin iktar ‘il quddiem fis-sena.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Kulma jmur qiegħed jitjieb, b’iktar atleti jiksbu ħinijiet veloċi u jtejbu l-livell lokali. Sena wara sena qed naraw iktar atleti jbaxxu l-ħinijiet, u rekords nazzjonali jinkisru wkoll, wieħed minnhom din is-sena fid-distanza tal-10km.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Fejn jidħlu trakki, m’ aħniex neqsin. It-trakka tal-Marsa u anke dik privata ta’ San Alwiġi saru investimenti ġodda fihom. Peró, hemm bzonn ta’ trakka tal-atletika f’ Għawdex. Is-sitwzzjoni f’Ta Qali mhux ħażin, peró tista’ tkun aħjar. U s- sitwazzoni tat-toroq f’Malta, hija tista’ tgħid diżastruża u perikoluża. L-ammont ta’ traffiku kull ħin tal-ġurnata, jniġġsu l-arja bil-pollution bilkemm tħallik tieħu nifs. Veru li tista’ tagħżel toroq iktar kwieti f’żoni rurali peró mhux kulħadd għandu aċċess għal dawn it-toroq mid-dar wisq inqas ħin biex tivjaġġa għalihom. Parks ħodor Malta m’għandniex fejn tista’ tiġri, u kulma jifdal promenades u toroq inqas traffikużi fejn nistgħu niġru. Il-kompetizzjonijiet f’Malta, kemm tiġrijiet fit-toroq u trail, huma passabli mingħajr ma nikkumpara l-livell ma’ ta’ barra minn xtutna, jidher ċar li organizzaturi lokali huma neqsin mill-investiment finanzjarju u nemmen li ma tantx isibu sapport amminstrattiv mill-entitatijiet pubbliċi meta jiġu għall-permessi.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
L-isport għallimni ħafna affarijiet fosthom li ma naqta’ qalbi qatt. L-etá hija biss numru, u għadni ħerqan immens b’ambizzjonijiet kbar fil-futur qrib. Maż-żmien qed niffoka aktar fuq long distance, mid-distanza tal-maratona ‘l fuq. Nixtieq nibqa nirfina l-ħin tal- maratona tiegħi kif wkoll nipparteċipa b’mod kompetittiv f’ultra trails madwar id-dinja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Bħal kollox, jekk trid tikseb suċċess f’xi ħaġa, apparti li trid tkun ħabrieki u taħdem qatigħ, trid ukoll taħdem b’mod għaqli. Għaldaqstant, il-messaġġ tiegħi hu li tirrikorri għall-gwida ta’ kowċ li żgur mhux forsi se jgħinek tasal fejn trid tasal.