Friday, November 15, 2024

L-Ewropa qed tesperjenza l-agħar nixfa f’dawn l-aħħar 500 sena

Aqra wkoll

Rapport li ħareġ fl-aħħar sigħat jgħid li żewġ terzi tal-Ewropa tinsab taħt xi forma ta’ twissija minħabba n-nixfa, avveniment li qiegħed ikun meqjus bħala l-agħar wieħed f’dawn l-aħħar 500 sena. L-aħħar rapport tal-Glo­bal Drought Observatory jgħid li 47% tal-kontinent qed jesperjenza kundizzjonijiet “ta’ twissija”, li jfisser li l-ħamrija hija niexfa ħafna. Imbagħad is-17% l-oħra jinsabu fuq livell ta’ “alert” – li jfisser li l-vegitazzjoni qiegħda turi “sinjali ta’ stress”.

Dan ir-rapport qiegħed iwissi li n-nifxa prolongata tista’ taffettwa t-tkabbar tal-prodotti tal-għeliqi, u anke tista’ twassal għal nirien li jdumu għaddejjin xhur sħaħ – dan speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Meta mqabbel mal-medja li kien hemm f’dawn l-aħħar ħames snin ġewwa l-Unjoni Ewropea, din is-sena l-ħsad taċ-ċereali se jkun 16% inqas, tal-fażola tas-sojja se jkun 15% inqas u tal-ġirasol se jkun 12% inqas. 

L-esperti li ħadmu fuq dan ir-rapport qed jgħidu li l-mewġiet ta’ sħana u l-iskarsezza tal-ilma qed joħolqu “stress bla preċedent fuq il-livelli tal-ilma madwar l-Unjoni Ewropea kollha.” Huma żiedu jgħidu li din is-sena l-effetti tat-tibdil fil-klima qed jinħassu sew.

Ekonomija

Sport