Sunday, May 5, 2024

L-ewwel Bank Ġenetiku tal-Pjanti se jinfetaħ fl-2024

Aqra wkoll

Is-sena d-dieħla se jinfetaħ l-ewwel Bank Nazzjonali tal-Ġenetika tal-Pjanti u jibda jitħaddem. Dan se jkun l-ewwel Bank f’Malta li se jservi ta’ repożitorju ta’ riżorsi ġenetiċi, li se jippermetti lill-pajjiż jadatta għall-kundizzjonijiet ambjentali li qegħdin jinbidlu u biex jiġu żviluppati uċuħ reżiljenti u tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo meta aktar kmieni din il-ġimgħa kienu qegħdin jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Budget għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli. 

Il-Ministru Refalo spjega li b’dan il-Bank se tinħoloq kollezzjoni komprensiva ta’ materjal ġenetiku tal-pjanti, fejn nistgħu nikkonservaw u namministraw b’mod effettiv id-diversità tal-uċuħ tar-raba’ lokali tagħna. 

L-agrikoltura bdiet minn kultivazzjoni ta’ pjanti slavaġ u sal-lum il-ġurnata dan is-settur għadu jiddependi fuq id-diversità ġenetika li tinsab fl-abitati naturali. B’hekk ir-rwol tal-Bank Ġenetiku ser ikun biex ukoll jaħżen ir-riżorsi botaniċi li nsibu madwar il-Gżejjer tagħna.

Madanakollu, il-Ministru Refalo rrikonoxxa li dan ir-repożitorju jġib miegħu sfidi u obbligi ġodda u se jkun essenzjali sabiex jingħelbu r-restrizzjonijiet finanzjarji, jiġu stabbiliti sħubijiet b’saħħithom filwaqt li l-kompetenza xjentifika u l-oqsma leġiżlattivi jkunu fis-seħħ. 

“Permezz ta’ sforzi kollaborattivi, nistgħu nagħmlu dan il-proġett suċċess kbir u naħsdu l-benefiċċji tiegħu għall-futur agrikolu sostenibbli ta’ Malta. F’dan il-post se nkunu nistgħu nilqgħu riċerkaturi u studenti li jkunu qed jistudjaw f’dan il-qasam.”

Sadanittant, il-Ministru Refalo sostna wkoll li s-settur agrikolu huwa mibni minn numru differenti ta’ intrapriżi agrikoli li għandhom karatteristiċi diversi. Għalhekk qal li hemm bżonn li jkollna sistema fejn dawn il-kategoriji jiġu identifikati u klassifikati sabiex jibdew jiġu żviluppati policies speċifiċi għal dawn il-kategoriji skont il-produzzjoni tagħhom. Sabiex isir dan, se jsir investiment fis-settur tal-agrikoltura sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu għal aċċess sħiħ u ċentralizzat ta’ informazzjoni dwar is-settur.

Huwa spjega li din il-pjattaforma se sservi ta’ qafas sabiex kwalunkwe informazzjoni jew data li tintuża għal deċiżjonijiet fir-rigward ta’ proposti leġiżlattivi, għajnuniet lis-settur, riċerka u innovazzjoni jew skopijiet oħra, tkun tista’ tinġabar b’mod affidabbli u tkun disponibbli fil-pront.

Il-Ministru Refalo qal ukoll li se jissokta l-investiment sabiex jiġu offruti aktar servizzi u għarfien lis-settur dwar il-biedja organika. Dan filwaqt li se jsir ukoll investiment sabiex jiġu stabbiliti proġetti pilota sabiex iservu ta’ punt ta’ referenza għall-bdiewa li jridu jipproduċu b’mod aktar sostenibbli. 

Huwa ħabbar ukoll li bil-għan li jiġi inċentivat il-kiri tar-raba’ lill-bdiewa professjonali u sabiex issir ġustizzja mas-sidien tar-raba’ li jikru art privata, se tkun qiegħda titneħħa t-taxxa tas-suċċessjoni minn fuq l-art agrikola li tkun qed tiġi mikrija u maħduma.

“B’hekk komplejna nsaħħu r-riformi kbar li diġà twettqu f’dan il-qasam permezz tal-bidliet tant importanti għall-Kap 199 tal-Liġijiet ta’ Malta li jirregola l-qbiela.

“L-għan aħħari tal-Gvern se jkun li jassigura illi r-raba’ jibqa’ jinħadem mill-bdiewa u għaldaqstant se ninċentivaw u nagħtu opportunità lil dawk il-bdiewa żgħażagħ jibbenifikaw minn strumenti finanzjarji sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw art agrikola,” tenna jgħid il-Ministru għall-Agrikolatura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali. 

Sport