Friday, December 27, 2024

“L-ewwel darba li ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili qed isiefru barra l-pajjiż biex isalvaw lil ħaddieħor”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri ddikjara li din kienet l-ewwel darba li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili qed isiefru barra l-pajjiż sabiex isalvaw lil ħaddieħor. 

“Sfortunatament dak li qed jiġri fit-Turkija u s-Sirja qed jarah kulħadd. Mhumiex affarijiet sbieħ. Għax anke viċin tagħna, fuq il-bibien tal-Ewropa, nistgħu nħossu xi ftit mill-weġgħat kbar li qed isofru dawn nies,” qal il-Ministru Camilleri. 

Huwa qal li t-Tnejn saret talba biex ikun hemm assistenza li tingħata lit-Turkija.  Malta bagħtet l-għajnuna tagħha permezz ta’ ħaddiema ta’ salvataġġ tal-protezzjoni ċivili mħarrġa għal dan il-għan.

“Dawn il-ħaddiema li t-Tnejn uħud minnhom ħarġu għax-xogħol, mingħalihom se jmorru fl-istazzjon tagħhom, u matul il-ġurnata ċemplu lill-familjari u qalulhom li se jsiefru lejn it-Turkija m’għandix ħlief ammirazzjoni lejhom. Dan il-parlament jirringrazzjahom għax qed juru verament il-qalb tal-Maltin.”

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qiegħed jilqa’ provvisti sabiex jintbagħtu lit-Turkija u lis-Sirja wara t-terremoti li seħħew din il-ġimgħa. Minn Malta, dawn il-provvisti se jinġabru minn Ħal Far u minn Għawdex mill-istazzjon tat-tifi tan-nar tax-Xewkija. 

“Inħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex jassisti għaliex dawn huma persuni li bħalissa għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.”

Ekonomija

Sport