Il-President George Vella laqa’ lill-ewwel Deputat Chairman tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, Oleksandr Kornienko, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
Is-Sur Kornienko esprima l-apprezzament kbir tal-poplu tal-Ukrajna lil Malta għall-appoġġ mill-aqwa li ilha tipprovdi minn meta bdiet l-invażjoni mir-Russja fl-24 ta’ Frar. Spjega li l-Ukrajna kienet impressjonata mit-turija qawwija ta’ appoġġ fil-konfront tagħha mill-pubbliku inġenerali f’Malta, u żied jgħid li huwa ċar li d-daqs u d-distanza ma kinux ta’ ostaklu għas-solidarjetà.
L-għajnuna tanġibbli pprovduta mill-Gvern ta’ Malta kienet apprezzata ħafna, b’mod speċjali fir-rigward tal-provvisti mediċi, l-assistenza umanitarja, l-akkoljenza tar-refuġjati Ukreni kif ukoll l-attenzjoni medika pprovduta lit-tfal Ukreni li jeħtiġuha b’mod urġenti.
Fir-rigward tas-sitwazzjoni fuq il-post, is-Sur Kornienko qal li din qiegħda tmur għall-agħar minn jum għal jum, speċjalment fin-naħa tal-Lvant. Miljuni ta’ nies kellhom jiċċaqilqu u spiċċaw mingħajr dar jew aċċess għal faċilitajiet bażiċi. L-Ukrajna tittama li l-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tiġi kkunsidrata kif xieraq.
Il-President George Vella tenna s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-Ukrajna u l-kundanna tiegħu tal-gwerra mir-Russja. Din kienet il-pożizzjoni tiegħu sa mill-bidu nett meta faqqgħet il-gwerra, u enfasizza din il-konvinzjoni f’kull opportunità li kellu. Il-President Vella osserva li n-newtralità ta’ Malta ma timplikax indifferenza lejn l-attakki fuq il-prinċipji komuni tagħna u t-telfien terribli tal-ħajja.
Il-President Vella esprima t-tama li l-atroċitajiet kollha jintemmu u li l-liġi internazzjonali tiġi osservata bis-sħiħ. Huwa tenna wkoll il-ħtieġa li jerġgħu jibdew in-negozjati u faħħar l-approċċ kostruttiv tal-Ukrajna li għadha impenjata f’taħditiet.
Dwar il-kwistjoni tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, il-President Vella qal li Malta qiegħda tistenna bil-ħerqa l-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u li din ser tiġi kkunsidrata kif xieraq fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. Żied jgħid li Malta m’ilhiex ħafna li għaddiet minn dan il-proċess. Bla dubju din hija kwistjoni politika iżda wkoll waħda mifruda minn proċess tekniku li huwa wkoll ta’ piż kbir fuq ir-riżorsi, is-sistemi u l-istrutturi.
Fi tmiem iż-żjara, is-Sur Kornienko ppreżenta stampa lill-President Vella li fiha l-mapep ta’ Malta u l-Ukrajna, flimkien mas-simboli nazzjonali, impinġija minn tfal Ukreni.