Friday, November 21, 2025

L-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat

Aqra wkoll

L-iffirmar tal-ewwel ftehim kollettiv għall-gradi amministrattivi fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jixhed l-impenn tal-Gvern lejn is-servizz u jħares l-interessi tal-ħaddiema. 

Dan il-ftehim li kien iffirmat mat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa tal-General Workers’ Union, għandu l-għan li jsaħħaħ il-benefiċċji tal-ħaddiema billi fuq kollox jinkiseb bilanċ bejn id-dmirijiet tax-xogħol u d-drittijiet tagħhom.

F’dan ir-rigward, is-Segretarju tat-Taqsima Kendrick Bondin fisser li dan il-ftehim mhux biss se jsaħħaħ l-aspett finanzjarju iżda wkoll il-mod kif il-ħaddiema jimxu ’l quddiem fil-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex ikunu riflessi r-realtajiet tal-lum. 

Is-Segretarju Bondin radd ħajr lil kull min involut f’dawn id-diskussjonijiet speċjalment lir-rappreżentanti tal-GWU Christine Caruana u Joan Nwaokoro li ħadmu bis-sħiħ bl-aktar mod professjonali biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim.

L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard li f’kelmtejn li għamel, qal li dan il-pass importanti qed iseħħ fil-perjodu tal-Budget 2026 li fih ġie allokat ammont rekord ta’ fondi għas-settur tal-Ġustizzja, b’żieda ta’ 26% fl-allokazzjoni finanzjarja fuq din is-sena għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.  “Il-ftehim kollettiv il-ġdid li qegħdin niffirmaw illum jagħti lil dawn il-ħaddiema r-rispett, il-valur u r-rikonoxximent li jistħoqqilhom,” sostna l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard kompla jsostni dwar l-importanza ta’ dan l-uffiċċju, mhux biss fil-kuntest tal-qasam tal-ġustizzja, imma wkoll fil-kuntest tal-interess nazzjonali. Innota wkoll kif dan l-uffiċċju ra żieda sostanzjali fir-riżorsa umana hekk kif minn 23 ħaddiem fl-2019, dawn illum żdiedu b’aktar mid-doppju.

Dr Attard tkellem ukoll dwar l-investiment bla preċedent fl-infrastruttura tal-ġustizzja fejn fost proġetti li tlestew reċentement kien hemm il-binja l-ġdida tal-Qorti għall-Maġistrati Inkwerenti, awla ġdida għall-ġurijiet (Awla 29) u l-allokazzjoni tal-binja li se sservi bħala s-sede tal-Qorti Kummerċjali. Dan filwaqt li ġie ffirmat ukoll il-konvenju għall-bini ta’ Qorti ġdida u moderna fir-Rabat Għawdex.

L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat qed jissaħħaħ ukoll permezz tal-akkwist ta’ binja ġdida adjaċenti għall-uffiċini eżistenti, li se tipprovdi aktar spazju u tkompli televa l-prestiġju ta’ dan l-uffiċċju. Fl-istess waqt, tlesta l-proġett TSI dwar riorganizzazzjoni interna, li wassal għall-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ etika ġodda u tisħiħ fir-regolamenti interni. Il-pass li jmiss se jkun l-implimentazzjoni ta’ Case Management System ġdida u tisħiħ tas-sistema Legislation.mt, fejn il-funzjoni tagħha se tkun il-bażi uffiċjali għal-liġijiet kollha ta’ pajjiżna. Fl-istess ħin se jkomplu għaddejjin id-diskussjonijiet b’rabta mal-ftehim kollettiv tal-gradi legali.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li l-iffirmar huwa mument importanti għall-qalb amministrattiva tal-Uffiċċju soġġetti għal dan il-ftehim kollettiv illi se jsaħħaħ u jikkonsolida fuq it-tajjeb li diġà kien hemm. “Inħarsu ’l quddiem sabiex inkomplu naħdmu u ngħaqdu dmirijietna fi ħdan l-uffiċċju tagħna wara dan il-ftehim”, tenna Dr Soler. 

Fost dawk preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea, l-Assistent Segretarju tal-istess taqsima tal-General Workers Union Lawrence Bugeja, id-Deputat Kap tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali Mario Grixti u l-ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport