Saturday, December 21, 2024

L-ewwel għaddasa li niżlu jgawdu l-P33 taħt il-baħar jsostnu li l-esperjenza nessiethom l-istennija twila għal din l-għadsa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-Sibt li għadda kien l-aħħar jum li fih l-patrol boat P33 setgħet titgawda mill-pubbliku f’wiċċ il-baħar u dan hekk kif f’operazzjoni konġunta din ġiet mgħarrqa fiż-żona ta’ Żonqor Point f’Marsaskala. B’hekk issa l-P33 se tkun tista’ titgawda mill-għaddasa li jagħżlu li jinżlu jesploraw din iż-żona li tinkludi żewġ bċejjeċ oħra tal-baħar li tniżżlu xi snin ilu. Fost dawk involuti kien hemm preżenti ċ-Chairperson tal-PDSA Simon Sciberras, is-Segretarju tal-istess PDSA Max Valli, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, Uffiċjali tal-AFM, kif ukoll uffiċjali minn Transport Malta. Barra minn dawn kien hemm għadd ta’ għaddasa u persuni oħra li attendew biex jaraw l-aħħar mumenti tal-P33 qabel għebet minn wiċċ il-baħar.

Dan is-sit tkellem ma’ Max Valli; is-sid tal-Orange Shark fil-Mellieħa u s-Segretarju tal-Assoċjazzjoni għat-Tagħlim tal-Għads fuq livell Professjonali (PDSA). Valli qalilna li bħala assoċjazzjoni kienu involuti fl-attività tal-bieraħ sa mill-bidu tiegħu. Valli kkonferma ma’ dan is-sit li dak li seħħ ilbieraħ seta’ jkun possibbli biss wara ġimgħat ta’ ħidma kollaborattiva. Ovjament bħala għaddas professjonali u rappreżentat tal-assoċjazzjoni Max qalilna li għalihom dawn huma mumenti speċjali. Rigward aktar proġetti għall-futur, Valli  spjega li għaddejjin taħditiet biex fl-2022 jiġi mgħarraq il-bastiment Hephaestus li kien inkalja fil-Qawra fl-10 ta’ Frar 2018 wara maltempata qawwija. Dan il-bastiment mistenni jiġi mgħarraq fil-Qala Għawdex f’fond ta’ bejn 30 u 40 metru. Bħalissa diġà għaddejja ħidma biex dan il-bastiment jitnaddaf biex ma jikkawżax ħsara ambjentali ladarba jintniżżel kif pjanat.

Valli kompla jgħidilna li għal dawn il-proġetti l-PDSA taħdem f’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA); l-awtorità li tapprova l-proġetti mressqa quddiemha u tgħin bil-fondi neċessarji biex ikomplu jiżdiedu dawn l-attrazzjonijiet. Il-proċess jibda billi tinxtara l-opra tal-baħar; li tista’ jew tinbiegħ bi prezz raġonevoli jew saħansitra tingħata b’donazzjoni. Minn hemm jibda l-proċess biex tinstab żona ideali. Meta ngħidu ideali dan ikun ifisser li l-għaddasa jkunu jridu jassiguraw li jkollhom kollox konformi mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), mhux biss fejn jidħol tindif tal-opra tal-baħar li tkun se titniżżel minn materjali bħalma huma żjut, fjuwils u partijiet imġarrfa. Minbarra dawn il-prekawzjonijiet kollha, l-ERA qabel tiġi approvata ż-żona mixtieqa mill-għaddasa; tagħmel ir-riċerka neċessarja biex tassigura li jekk titniżżel opra tal-baħar f’dik iż-żona ma tkun tal-ebda ħsara ambjentali.

“Il-P33 f’wiċċ il-baħar u dik taħt il-baħar huma esperjenza kompletament differenti”

Għaddasa

Tkellimna mal-għaddasa Samantha Nicolle li kienet waħda mill-ewwel għaddasa li niżlu biex igawdu din l-patrol boat bħala attrazzjoni ġdida f’Żonqor Point. Nicolle spjegatilna li hi ilha togħdos inqas mis-sieħeb tagħha li huwa għaddas professjonali b’aktar minn 350 għadsa, iżda minkejja dan huwa stqarr magħha li din l-esperjenza kienet xi ħaġa ġdida għat-tnejn li huma. “Il-fatt li filli konna qegħdin narawha fil-wiċċ u ħajja, ħadnielha ritratti qabel u waqt il-proċess kollu li kien hemm bżonn biex titniżżel u finalment inkunu minn ta’ quddiem biex ninżlu naraw id-differenza hija xi ħaġa li mhux kulħadd ikollu x-xorti jesperjenza,” kompliet tgħid ma’ Talk.mt.

Hija tenniet tfakkar li l-P33 se tħalli ħafna memorji fost l-uffiċjali kollha li baħħru fuqha; bl-esperjenzi kollha relatati mal-ħidma tagħhom, kemm dawk sbieħ kif ukoll dawk koroh, is-sodisfazzjon li ssalva ħajja u d-dispjaċir li ma tasalx fil-ħin.

DCIM\100GOPRO\GOPR3089.JPG

Hija tappella lil dawk kollha li jitħajru jibdew din l-esperjenza biex jagħmlu l-ewwel pass u jikkuntattjaw skola tal-għads. Temmet tgħid magħna “Hawn numru ta’ skejjel iżda jiena u s-sieħeb tiegħi sodisfatti mmens b’dak li offrewlna l-OrangeShark fil-Mellieħa; kemm bħala servizz, ilbies relatat kif ukoll staff li kapaċi jgħinek tħossok sigur u kunfidenti waqt din l-esperjenza indimentikabbli”. 

Ekonomija

Sport