Friday, December 27, 2024

L-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru

Aqra wkoll

Beda jopera l-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Iċ-ċentru reġjonali, li jinsab f’Santa Luċija, qed jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, is-sena kollha. Iċ-ċentru se jkun qed joffri diversi servizzi ta’ appoġġ u assistenza professjonali minn professjonisti, membri tal-korp tal-pulizija u ħaddiema mħarrġa f’dan il-qasam u minn diversi entitajiet sabiex jgħinu u jagħtu servizz u appoġġ lill-vittmi tal-vjolenza domestika.

It-twaqqif ta’ dan l-ewwel hub sar wara li l-Korp tal-Pulizija waqqaf il-Gender Based and Domestic Violence Unit fi ħdanu lura f’Novembru tal-2020. Dan il-unit huwa magħmul minn uffiċjali mħarrġa, flimkien ma’ professjonisti oħra li jagħtu servizz lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Dan il-hub joffri ambjent aħjar u aktar uman minn dak provdut ġewwa d-Depot tal-Floriana, u huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. Il-hub jopera ta’ kuljum bi preżenza kontinwa tal-Korp tal-Pulizija, risk-assessors u professjonisti oħra. Filwaqt li dan il-hub jinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-pajjiż, it-tieni hub mistenni jiftaħ fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Waqt żjara fiċ-ċentru ta’ Santa Luċija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ngħataw tagħrif dwar il-proċeduri mħaddna f’każ ta’ rapport ta’ vjolenza domestika, dan fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Preżenti kien hemm attivisti fis-settur, fosthom il-Prof. Marceline Naudi, flimkien ma’ professjonisti oħra f’dawn l-oqsma daqstant sensittivi. Huma setgħu jaraw ukoll kif iċ-ċentru joffri ambjent ferm aktar idoneju u privatezza stretta għal vittmi tant li huwa mgħammar ukoll b’tagħmir fejn il-vittma tista’ tagħti x-xhieda tagħha ’l bogħod mill-preżenza tal-aggressur. Il-Ministru Camilleri qal li fl-aħħar tliet snin saret ħidma ffukata fuq vittmi tal-vjolenza domestika tant li apparti li ġew ittriplati r-riżorsi umani fit-taqsima tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru tal-Korp tal-Pulizija, saret ħidma ma’ stakeholders oħra biex jinfetaħ l-ewwel hub għal vittmi tal-vjolenza domestika.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li l-problema tal-vjolenza domestika teħtieġ azzjoni kollettiva minn diversi entitajiet. Żiedet tgħid li dan il-hub huwa eżempju tas-sinerġija li hemm bejn il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, il-pulizija u l-fondazzjoni għas-servizzi għal ħarsien soċjali fost oħrajn. Hija qalet li fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika qed isir xogħol fejjiedi mill-kumitat inter-ministerjali speċjalment fit-twettiq tal-miżuri elenkati fl-istrateġija nazzjonali kontra l-vjolenza domestika li ġiet varata s-sena li għaddiet.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà rrefera għal kwalità professjonali u empatika tas-servizz li l-korp qed jagħti lill-vittmi tal-vjolenza domestika tant li fl-aħħar snin qed ikun hemm żieda fl-għadd ta’ rapporti ta’ abbuż li juri li qed jikber l-għarfien dwar din il-pjaga soċjali. Il-lettur fl-Università ta’ Malta Prof. Marceline Naudi, li hija wkoll attivista fl-oqsma tal-ugwaljanza u kontra l-vjolenza fuq in-nisa, faħħret l-ambjent il-ġdid fil-hub speċjalment il-fatt li se jkun hemm pulizija u risk-assessor erbgħa u għoxrin siegħa kuljum is-sena kollha. Hija qalet li tħares ’il quddiem li tara dan l-ewwel hub tax-xorta tiegħu f’pajjiżna jopera.

Apparti f’dan il-hub ġdid, vittmi tal-vjolenza domestika xorta jistgħu jibqgħu wkoll jmorru jagħmlu rapport lit-taqsima tal-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Hawnhekk ukoll hemm professjonisti u ħaddiema soċjali li jaħdmu spalla ma’ pulizija mħarrġa apposta f’dan il-qasam. Din it-taqsima tinvestiga kull każ ta’ vjolenza domestika u tagħti tagħrif lill-vittmi x’servizzi ta’ assistenza jeżistu għalihom skont il-każ partikolari. Dan sakemm ikun konkluż il-hub il-ġdid fit-Tramuntana tal-pajjiż. Iċ-ċentru jinsab fi 2 Dawret it-Torri, Santa Luċija.

Ekonomija

Sport