Wednesday, December 25, 2024

“L-ewwel mitt jum se jkunu l-mera ta’ aktar u aktar ħidma” – Il-PM Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru jirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu tal-fiduċja tiegħu

Il-Prim Ministru beda l-intervista tiegħu ta’ dalgħodu biex jgħid li biex tmexxi lil pajjiżek trid tkun tħobbu u ma tasal qatt tagħmillu ħsara. Abela qal li l-oppożizzjoni tat l-appoġġ sħiħ lill-kelliem tal-ġustizzja tagħha Jason Azzopardi.

Il-PM spjega li l-famuża dgħajsa li minħabba fiha hemm persuni li ġew akkużati fuq qtil volontarju ddaħlet bl-immigranti f’Malta. Kienet l-istess dgħajsa li kienet diġà fl-ibħra fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta u għalhekk minkejja d-deċiżjoni tal-gvern li jagħlaq il-portijiet, għażel li tiddaħħal xorta waħda.

Abela qal li t-tattika tal-Oppożizzjoni hija biss li tbeżża’ lil dawn il-membri, hija tattika bil-għan li tagħti daqqa politika u li ċertament bħala Prim Ministru mhux se jkun qed jaċċetta, aktar u aktar f’dan il-perjodu tant delikat.

Abela għamilha ċara ħafna li hu mhux inkonsistenti bħall-Oppożizzjoni u għalhekk kien, għadu u se jibqa’ jiddefendi lill-Forzi tal-Ordni. Qal li dawn il-membri u l-brigadier se jkunu qed “jinħlew” fi protest ġudizzjarju biex jiddefendu lilhom innifishom minn akkuża ta’ qtil involontarju.

Abela għamilha ċara li pajjiżna kellu jieħu passi dixxiplinati ħafna, iżda li kieku l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem laqgħet it-talba tal-NGO Repubblika, kien ikollna nissugraw l-importazzjoni ta’ każijiet ġodda ta’ dan il-virus.

Il-PM huwa ddispjaċut u se jibqa’ jittama, anke jekk personalment jemmen li se jibqa’ jittama, li l-Oppożizzjoni tagħżel li tiġbed ħabel wieħed mal-gvern f’din id-deċiżjoni.

Rigward l-ekonomija tal-pajjiż, Abela qal li jinsab sodisfatt bl-investimenti li saru. Tkellem dwar il-fiduċja tal-poplu Malti li qed jaqbel mal-mod ta’ kif il-gvern qed jaġixxi f’din is-sitwazzjoni tal-pandemija.

Tkellem dwar somma massiva ta’ €780 miljun li wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, il-banek kummerċjali setgħu jnaqqsu r-rata tal-imgħax tagħhom fuq in-negozji. Qal li l-gvern ma waqafx hemm u r-rata tal-imgħax sħiħa se tkun qed titħallas mill-gvern. Qal li l-gvern se jkun qed jissussidja 2.5% tal-imgħax għal żmien sentejn.

Tkellem dwar 77,000 persuna li l-istatistika tikkonferma li dawn raw l-impjiegi tagħhom jiġu salvati u li fil-mument opportun se jkunu preparati biex jerġgħu jibdew idawru r-rota tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Abela qal li ta kelma lill-bdiewa u kburi li żamma. Spjega li l-art agrikola li se tkun qiegħda tittieħed tnaqqset b’70% u b’terz ta’ din l-art l-iskart se jibda jitqies bħala riżorsa. Il-PM qal li pajjiżna mhux se jerġa’ jiġi fi stat li jgħid li m’għandniex fejn nitfgħu l-iskart. Spjega li dan l-iskart se jkun qed jintuża għall-enerġija anke jekk din kellha tkun għażla ambizzjuża.

Rigward l-ewwel mitt jum tiegħu bħala Prim Ministru, Abela qal li minkejja li kienu mitt jum ta’ sfidi, jaf li warajh hemm spalla ta’ tim maqgħud b’viżjoni ta’ Malta ta’ għada aqwa minn Malta tal-lum. Qal li jemmen li dan huwa gvern ta’ kulħadd b’opportunitajiet indaqs li ma jagħmilx distinzjoni bejn il-faxex ta’ nies fil-pajjiż. Il-PM għalaq jgħid li l-ewwel mitt jum se jkunu l-mera ta’ ħafna u ħafna aktar ħidma, dedikazzjoni u sens ta’ responsabbilità li se jibqa’ jerfa’ lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Ekonomija

Sport