Sunday, November 3, 2024

“L-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba … Nittamaw li niftħuh illum qabel għada” 

Iffirmat ftehim bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Kunsill Lokali tal-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar iktar kmieni llum iffirmaw ftehim (Memorandum of Understanding MOU) li bih sar l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tabja biex il-parkeġġ kbir li jinsab mal-Iskola l-Primarja tal-Qawra jibda jintuża mill-pubbliku wkoll. Bi spazju allokat ta’ 200 karozza, l-Iskola Primarja tal-Qawra se jkollha użu ulterjuri tar-riżorsi tagħha f’ħinijiet barra dawk tradizzjonali.

L-iffirmar tal-ftehim dwar il-parkeġġ kbir li jinsab mal-Iskola l-Primarja tal-Qawra.

“Dan l-iffirmar huwa konferma oħra tal-viżjoni tagħna li qegħdin nimplimentaw li biha l-iskejjel ma jintużawx biss fil-ħinijiet tradizzjonali iżda jkunu ċentru ta’ attività fil-ħin ta’ wara l-iskola u anke fi tmiem il-ġimgħa”. Hekk iddikjara l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Clifton Grima fejn spjega li waslu għal dan il-ftehim wara proċess twil li fih raw li tkun issalvagwardjata kemm l-iskola, kif ukoll il-komunità.

Filwaqt li qal li: “Il-problema tal-parkeġġ hija realtà f’pajjiżna u San Pawl il-Baħar mhuwiex eċċezzjoni”, il-Ministru Grima saħaq fl-importanza li nużaw il-faċilitajiet edukattivi tagħna bħalma diġà sar fl-każ tal-MCAST. Dan l-użu ta’ riżorsi jinkludi wkoll il-faċilitajiet sportivi u l-iswali fl-iskejjel tagħna.

Fl-intervent tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni spjega li r-responsabbiltà tal-parti tal-parkeġġ li se tkun miftuħa għall-użu tal-pubbliku se taqa’ f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl fejn assigura li fil-proċess raw li dan il-pass ma jaffettwa lil ħadd ħażin. 

Issa li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar ħa r-responsabbiltà ta’ parti mill-parkeġġ tal-Iskola tal-Qawra, hemm proċedura u xogħol xi jsir qabel ma dan, effettivament ikun jista’ jibda jintuża mill-pubbliku. B’investiment ta’ eluf ta’ ewro, is-Sindku tal-Kunsill, Alfred Grima, spjega li bħala “qishom sidien” ta’ dan il-parkeġġ, huma se jaraw li dan “jinfetaħ illum qabel għada ħalli nutilizzaw is-servizz”. Tant huwa hekk li lbieraħ stess mis-6.00 ta’ filgħodu bħala Kunsill bdew jaraw x’inhuwa l-pass li jmiss. 

Il-parkeġġ kbir li jinsab mal-Iskola l-Primarja tal-Qawra.

Ħidma biex jinqatgħu l-vetturi mit-toroq

Dan is-Sindku qal li l-ftehim mal-Ministeru huwa pass “pożittiv” lejn id-direzzjoni t-tajba biex jinqatgħu l-vetturi mit-toroq. Il-problema ta’ parkeġġ hija waħda reali f’dawn l-inħawi fejn diversi drabi u għal żmien twil, ir-residenti ta’ din iż-żona lmentaw li ma jsibux fejn jipparkjaw il-karozzi tagħhom, b’mod speċjali wara ċertu ħin tal-ġurnata. 

Mistoqsi minn Talk.mt dwar id-data tal-ftuħ ta’ dan il-parkeġġ għall-pubbliku, is-Sindku Grima spjega li “Dan ma jfissirx li għax għadda għand il-Kunsill se jinfetaħ għada. Tgħallimt ma nagħtix dati lanqas jekk jiddependi minni, aħseb u ara meta ma jiddependix minni. Il-procurement waħdu jieħu tant xhur. Il-Kunsill għadu bżonn liċenzja biex jopera u by law biex għalkemm il-prezz tal-parkeġġ se jkun issussidjat, jiġbor il-flus”. 

Is-Sindku Alfred Grima waqt li kien qed jagħti kumment lil dan is-sit.

Rigward il-ħlas li se jkun mitlub għal min ikun irid idaħħal il-karozza tiegħu f’dan il-parkeġġ, Grima qalilna li l-ħlas se jkun “verament minimu” u dan se jsir għal żewġ raġunijiet bl-ewwel waħda tkun biex tinġabar id-data dwar min ikun qiegħed jagħmel użu minnu u t-tieni, minħabba li hemm eluf ta’ ewro spejjeż għall-operat tiegħu. 

“Minn informazzjoni li għandna, bħala spejjeż inizjalment żgur għandna bżonn €50,000 għal investiment f’CCTVs cameras, kif ukoll hemm affarijiet li mhumiex lesti fosthom il-lift u l-proċeduri ta’ procurement, li huma r-regoli stabbiliti għall-Kunsilli Lokali dwar l-infieq. Il-pagi għal min se jmexxih żgur li se jkun hemm mat-€80,000 fis-sena. Il-Kunsill se jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għax nemmnu fl-obbligu tagħna lejn ir-residenti. Dan il-ftehim huwa pass fid-direzzjoni t-tajba u naċċerta lil kulħadd li min-naħa tiegħi u minn tal-Kunsill se nkunu qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli biex il-parkeġġ jinfetaħ illum qabel għada”.

Mistoqsi min se jkun jista’ jipparkja fih, Grima qalilna li l-ħsieb huwa li jkun hemm parti riservata għall-membri li jħallsu għal membership u parti oħra min jiġi l-ewwel, jinqeda (first come first serve basis). “Jista’ jkun isir miż-żewġ tipi u jista’ jkun li jsir tip wieħed biss. Dan kollu jiddependi skont kif joħorġu s-sejħiet u min japplika għax jista’ jkun li ma japplika ħadd bħalma ġralna b’ħafna kuntratturi li ma jurux interess,” spjega s-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar.   

“Pass minn ħafna”

Huwa qal li sejħa pubblika (tender) tieħu tant xhur biex tgħaddi “u itlob lil bambin li ma jkollokx xi appell. Se nagħmluh bl-inqas kundizzjonijiet li jistgħu joħolqu problemi imma bħala Kunsill iridu nimxu b’mod responsabbli mal-liġijiet tal-pajjiż. Imma, nassigurakom li qegħdin naraw kif jista’ jinfetaħ fl-iqsar żmien possibbli”.

Dan is-sit ħa kumment mingħand il-Viċi-Sindku tal-istess Kunsill, Carlo Zarb li kkonferma li hemm xhur ta’ proċess biex dan il-parkeġġ ikun finalment aċċessibbli għall-pubbliku. Huwa qal li “Diffiċli mmens tingħata data ta’ ftuħ għax irridu nagħmlu bylaw li sakemm din tiġi approvata u kollox, għandek minn tal-inqas sitt xhur. Imbagħad irid joħroġ it-tender tal-imminaġjar tiegħu. Dan huwa pass minn ħafna fid-direzzjoni t-tajba u juri kemm il-Kunsill huwa kommess li jiftaħ dan il-parkeġġ”.

Sport