Is-Sibt li għadda, fil-Parlament, ittellgħet seduta speċjali u anke ġiet organizzata attività fejm il-protagonisti kienu t-tfal. Dawn it-tfal ħadu sehem f’kompetizzjoni tat-tpenġija organizzata minn Positive Parenting Malta bit-tema “Il-familja minn għajnejn it-tfal.” B’kollox daħlu 64 tipinġija minn tfal b’etajiet li jvarjaw minn sentejn sa 15-il sena.
F’diskors li għamlet Ruth Sciberras, Ċerpersin tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva u t-Tisħiħ tal-Familja, qalet li t-tpinġijiet li rċevew mingħand it-tfal kienu kollha sbieħ, bil-messaġġ ewlieni li ħareġ minn dawn it-tpinġijiet ikun il-ħin li t-tfal jieħdu gost iqattgħu mal-familji tagħhom.
“Ridna ngħaddu dan il-messaġġ lill-Membri Parlamentari li l-kwalità tal-ħajja mal-familja u l-ħin li tqattgħu magħhom huwa importanti għalikom it-tfal Għalhekk qed niċċelebraw il-familja minn għajnejn it-tfal,” qalet Sciberras.
Fl-indirizz tagħha lill-ġenituri, Sciberras enfasizzat il-fatt li t-trobbija mhix waħda faċli u li ġenituri perfetti ma jeżistux. “Hawn ħafna familji u diversi tipi ta’ familji differenti, kulturi differenti, għalina kollha huma importanti. Kull familja hi differenti u kull wild huwa individwu u l-problemi mhux kollha huma l-istess.”
Però, saħqet li ħafna sfidi jistgħu jkunu komuni. Għalhekk kien hemm bżonn tal-istrateġija nazzjonali għat-trobbija pożittiva biex inkomplu noħolqu programmi u servizzi biex inwieżnu lill-familji speċjalment fejn ikun hemm sfidi bħal diffikultajiet mentali – meta l-ġenituri jkunu qed jistennew tarbija, jew ġenituri jridu jrabbu waħedhom, jew tfal li jeħtieġu attenzjoni spejċali.
Bi trobbija pożittiva nifhmu li nrabbu fl-aħjar interess tat-tfal, li nindukrawhom, inħobbuhom, inħarsu d-drittijiet tagħhom u niggwidawhom fid-deċiżjonijiet tagħhom. L-ewwel snin tat-trobbija tat-tfal huma kruċjali sabiex jiffurmaw il-karattru tagħhom.
“Ir-riċerka tgħidilna l-ewwel 1,000 jum. Għax it-tfal huma bħal sponża, jixorbu, u dawk huma l-ewwel snin li jifformawhom. Dak li ntuhom fit-tfulija jibqa’ magħhom tul ħajjithom kollha,” qalet Sciberras.
Iċ-Ċerpersin tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva u t-Tisħiħ tal-Familja spjegat li hemm diversi fatturi li huma importanti sabiex it-tfal ikollhom trobbija b’saħħitha. Fost dawn hemm ambjent stabbli, il-komunikazzjoni magħhom u li jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom.
Fl-istess waqt, hija sostniet li anke l-ġenituri jkollhom bżonn li jirċievu sapport speċjalment dwar kif jegħlbu l-istress, l-isfidi tagħhom u l-kunflitti li jinqalgħu fif-relazzjoni tagħhom. “Importanti li bħala adulti, il-ġenituri wkoll ikollhom żmien li jqattgħu flimkien jirrilassaw biex imbagħad ikollhom l-enerġija biex irabbu l-familja.”
Temmet tgħid li bħala Kumitat se jkomplu jgħinu fis-servizzi u l-programmi ta’ trobbija pożittiva u jgħinu biex jiżdiedu aktar kampanji favur it-trobbija pożittiva.
“L-importanti fil-familja huwa r-rispett u l-imħabba lejn xulxin” – Kayden Fenech
F’isem it-tfal kollha li ħadu sehem fil-kpmpetizzjoni tat-tpenġija tkellem Kayden Fenech, tifel ta’ 14-il sena minn Ħad-Dingli li jattendi l-Iskola Sekondarja Kulleġġ San Nikola fl-istess lokalità. Huwa qal li t-tpinġija tgħinnu jirrilassa mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum filwaqt li tagħtih l-opportunità li jesprimi ruħu dwar diversi temi ambjentali, kulturali, edukattivi u anke soċjali.
Kayden qal li sa minn meta kien żgħir dejjem kien mgħallem iħobb u jirrispetta lill-familja kollha u mhux biss lill-persuni iżda anke lil kull annimal domestiku li dejjem rabbew. Sostna li aktar ma beda jikber, iżjed beda jinnota u jifhem li mhux kulħadd għandu familja bħal tiegħu, li tikkonsisti f’omm, missier u l-ulied.
“Matul is-snin iltqajt ma’ tfal oħra u żgħażagħ li trabbew b’imħabba u b’għożża minn ġenituri tal-istess sess u jgħixu l-istess ħajja sabiħa u kuntenti. Fi ħsiebi hemm dawk il-familji li għal diversi raġunijiet huma b’ġenitur wieħed. Dawn żgur li jagħmlu ħafna sagriiċċji biex jaraw li l-familja tagħhom ma tkun nieqsa minn xejn.”
“Dan hu li nifhem jien meta ngħidu familja – li mhux kif tkun magħmula li jgħodd iżda l-importanti r-rispett u l-imħabba lejn xulxin u l-kuntentizza flimkien. Fit-tpinġija tiegħi għamilt ħilti biex nesprimi mil-lenti tiegħi t-tifsira u l-forom differenti ta’ familja,” temm jgħid Kayden.
“Il-ġid tat-trobbija pożittiva ma jitkejjix bis-social media” – David Agius
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali David Agius qal li l-familja hi importanti ħafna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u anke fil-ħajja ta’ dan il-Parlament.
Huwa qal li filwaqt li rridu nlaqqgħu lil uliedna mar-realtà u mad-diffikultajiet u ngħinuhom ikampaw, jeħtieġ inbegħduhom mil-logħob, films vjolenti u minn xeni ta’ vjolenza anke bejn l-adulti. Minflok nagħmlu xi attivitajiet sportivi, arti jew mużika.
“Għax il-ġid tat-trobbija pożittiva ma titkejjilx bis-social media, imma bit-titjib personali fir-relazzjonijiet intra u interpersonali tagħna u mingħajr daqq ta’ trombi. Irridu nissieltu kuljum kontra l-faqar fit-tfal u fit-trobbija. Għax dan jissarraf fi skuntentizza, illitteriżmu, esklużjoni soċjali, mard u jibqa’ jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra,” qal Agius.
Kompla jgħid li bħala politiċi, għandhom rwol li jipprovdu l-għajnuna u kura relatata mat-trobbija ta’ livell għoli. Tenna li rridu nħaddnu politika ħolistika li twieżen lill-ġenituri u kustodji biex jirnexxielhom isibu bilanċ sostenibbli bejn il-ħajja tat-trobbija u l-ħajja tax-xogħol.
“Dak li tgħallimt ma jista’ jiħodulek ħadd” – il-Ministru Michael Falzon
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon enfasizza fuq l-importanza li f’ħajjitna naħdmu u nirsistu biex inkomplu mexjin ‘il quddiem iżda li ħadd m’għandu jinsa minn fejn beda. Qal ukoll li huwa importanti li t-tfal tagħna jkollhom l-opportunità li jilħqu l-potenzjal tagħhom.
“It-tfal huma parti mis-soċjeta tal-lum. Jekk nonqsuhom illum dak in-nuqqas tagħna se jkun għada, pitgħada. It-tagħlim huwa importanti ħafna. Immaġinak l-iskola, ta’ ħdejk ikbar minnek, jeħodlok lapes jew is-satchel. Però, dak li tkun tgħallimt ma jiħodulek ħadd. Dan il-ħsieb għandu jwassal għal soċjetà aħjar minn dik tal-lum,” sostna l-Ministru Falzon.
Fi tmiem l-attività tkellem l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia li sostna li kull investiment li jsir f’dawn l-għodod għat-tisħiħ tal-familja f’pajjiżna hu invesitment uman, jiġifieri fin-nies, ġenituri u wliedna għal u tul il-ħajja.
L-Ispeaker kompla billi qal li l-familja hija l-ambjent ideali għat-trobbija tal-ulied għall-ħajja, fejn is-sehem tal-ġenituri fit-trobbija tal-ulied huwa importanti ħafna. Huwa tenna li r-responsabbiltà tal-ġenituri għat-trobbija tal-ulied m’għandhiex biss titqies obbligu tagħhom lejn it-tfal, iżda wkoll lejn is-soċjetà u pajjiżhom.
Dr Farrugia temm iħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jibqgħu jippersistu f’ħidma favur il-familja bħala l-post ta’ trobbija tajba tal-ulied min-nieqa għall-ħajja, filwaqt li għandhom jissieħbu mal-akkademiċi u esperti oħrajn biex jagħrfu l-iżviluppi soċjali tul iż-żmien.