Sunday, December 22, 2024

L-EWWEL TITJIRA

Aqra wkoll

L-għada ta’ meta bdiet ittir għall-ewwel darba, kont passiġġier fuq titjira lejn Brussell tal-linja l-“ġdida” tal-ajru KM Malta Airlines. Is-servizz kien impekkabbli għalkemm ftit li xejn differenti minn tal-Air Malta li matul id-deċennji li tirt magħha tista’ tgħid dejjem kien tassew ta’ kwalità. Din l-ewwel titjira telqet u waslet fil-ħin — ħaġa li fl-aħħar żminijiet ma kinitx tiġri fil-każ tal-Air Malta, bla dubju għal numru ta’ raġunijiet. Biss minn titjira waħda tal-kumpanija l-ġdida żgur li ma tistax tiġbed xi regola għalissa!

Jidher ukoll li din żammet l-ajruplani li kellha ta’ qabilha. Matul is-snin, l-akbar ilment li kont nisma’ dwar l-Air Malta kien dwar kemm l-ajruplani li tuża kienu nieqsa mill-konfort. Talanqas ħafna mill-ajruplani ta’ Ryan Air, ukoll ippakkjati, bdew jikkompetu magħhom fuq hekk. Dan l-ilment smajtu dwar l-Air Malta sa miż-żmien tal-bidu meta kienet topera ċ-charters tat-turisti. Ħabib Amerikan darba qalli: Kieku twelidt b’saqajn iqsar, għalija l-Air Malta kienet tkun iċ-champion. Plus ca change, plus c’est la meme chose.

L-INDUSTRIJA TAL-ARMI

L-industriji tal-armamenti fl-Ewropa ilhom jilmentaw li ntesew u l-gvernijiet mhumiex jordnawlhom munizzjoni biżżejjed. Il-Papa Franġisku u oħrajn għandhom raġun jisħqu fuq il-punt li l-gvernijiet ma jmisshomx iħallu lilhom infushom jitmexxew mill-ħteġiet ta’ min jittraffika fil-prodotti tal-gwerra. (Il-Papa ma tkellimx daqshekk ċar; biss, min jaqra sew x’qal, jifhem x’ried jgħid.)

Hemm bżonn ta’ aktar dawl fuq l-iżviluppi fil-qasam tal-industriji tal-armamenti: min imexxihom, fejn joperaw, kif ibiegħu u kif jiġu ffinanzjati. B’hekk “kulħadd” ikun jista’ jifhem l-isfond kollu tal-pressjonijiet li qed jimbottaw lill-Ewropa lejn il-militarizzazzjoni.

IR-RELIĠJON U L-GWERRA

Kull min jinsab fi gwerra u għandu xi twemmin reliġjuż jemmen ukoll li d-divinità li jemmen fiha se tgħinu jirbaħ. Qed naraw dil-ħaġa tiġri fir-Russja pereżempju, fejn il-patrijark Kirill tal-Knisja Russa Ortodossa jappoġġja totalment il-ħidma ta’ Putin u jemmen li se tkun imbierka minn Alla billi r-rebħa fl-Ukrajna tkun tar-Russi.

Imma bla dubju min-naħa ta’ Kjev hemm l-istess twemmin u fidi fl-Alla tagħhom, li hu meqjum mill-Knisja Ortodossa li kienet parti minn dik Russa sa ftit taż-żmien ilu. Hawn ukoll bla dubju l-aspettattiva hi li r-rebħa se tkun tal-Ukrajna appoġġjata mid-divinità li hi l-istess waħda tar-Russi!

Dat-tip ta’ kunflitt żgur mhux ristrett għall-Ortodossi. Il-Kattoliċi u l-Protestanti fl-Ewropa għaddew minn bosta ċaqliq simili.

Li juri kemm ftit jagħmel sens li r-reliġjon titħallat mal-gwerra. Il-qassisin messhom jirrifjutaw li jieħdu sehem f’kull attività jagħmilha min jagħmilha, li tqaddes jew tigglorifika l-atti ta’ gwerra.

Ekonomija

Sport