Sunday, November 24, 2024

L-ewwel vetturi elettriċi għall-Korp tal-Pulizija

Aqra wkoll

Il-Korp tal-Pulizija kompla bil-modernizzazzjoni tat-tagħmir tiegħu bl-akkwist ta’ seba’ vetturi elettriċi li se jieħdu post vetturi tradizzjonali. Din hija l-ewwel darba li l-Korp tal-Pulizija ser jagħmel użu minn vetturi elettriċi.

B’investiment ta’ aktar minn €300,000, il-vetturi elettriċi ser ikunu qed jintużaw mit-taqsima tal-Pulizija għall-komunità u mit-taqsima tal-laboratorju forensiku tal-korp. Barra minn hekk it-taqsima tal-klieb ukoll se tissaħħaħ b’erba’ vetturi ġodda.

L-aġenzija Komunità Malta tat €100,000 lill-Korp tal-Pulizija biex tkopri parti mill-investiment. Aġenzija li bħalissa qed tkopri wkoll il-ħlas tas-sahra tal-Pulizija li jkunu involuti fl-iskorta tal-ġarr tal-logħob tan-nar tal-festi filwaqt li kienet tat ukoll għotja biex il-Pulizija għall-komunità jiksbu e-bikes li jintużaw fir-rondi tagħhom.

Il-Pulizija għall-komunità ser jużaw dawn il-vetturi elettriċi f’diversi lokalitajiet fosthom ir-Rabat, l-Imdina, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, l-Imsida, il-Gżira u Ta’ Xbiex, Marsaskala u Raħal Ġdid. B’hekk jagħtu lill-Pulizija aktar għodod sabiex jilħqu d-diversi komunitajiet u permezz tagħhom ukoll il-Pulizija jkunu jistgħu jagħmlu aktar rondi kontinwi f’żoni meqjusa bħala l-aktar ta’ sfida.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-vetturi elettriċi ġodda, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal l-Ministeru jibqa’ kommess li jagħmel il-bidla lejn vetturi elettriċi li jniġġsu anqas, filwaqt li jkomplu jagħtu servizz biex il-komunitajiet ikunu aktar siguri.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li matul dan l-aħħar snin il-Korp tal-Pulizija kien u għadu għaddej b’investiment bla preċedent. Qal li bħala entità li taħdem 24 siegħa kuljum, ċertament li dawn il-vetturi elettriċi fil-qalba tal-komunità ħa jkunu qed jikkontribwixxu kemm għal soċjetà sigura kif ukoll għal ambjent aħjar.

Sport