Thursday, December 26, 2024

L-eżamijiet għal-liċenzja nawtika ser jibdew isiru mill-uffiċini ta’ Transport Malta

Aqra wkoll

B’effett immedjat, l-eżamijiet tal-liċenzja nawtika ser jibdew isiru mill-uffiċini ta’ Transport Malta. Dan hekk kif l-Awtorita’ se tkun qed tassumi l-irwol ta’ ċentru tal-eżamijiet u b’hekk ser tkun qed tamministra l-proċeduri amministrattivi kollha. Filwaqt li Transport Malta tirringrazzja lill-MCAST tas-servizz tagħhom tul dawn l-aħħar snin, l-Awtorita’ tinforma lill-pubbliku li l-MCAST mhux ser tibqa’ taċċetta dawn l-applikazzjonijiet.

Iċ-ċentri ta’ taħriġ jew individwi li jridu japplikaw għal dan l-eżami għandhom jagħmlu dan billi jissottometu l-applikazzjonijiet lid-Dipartiment tal-Ports Commercial fl-uffiċini ta’ Ħal Lija. Dan id-dipartiment diġa’ kien joħroġ il-liċenzja, iżda żdiditlu r-responsabbilta’ tal-koordinament amministrattiv tal-eżamijiet bħall-iskeda tal-eżamijiet u oħrajn. Il-post prinċipali fejn ser jibdew isiru dawn l-eżamijiet ser ikun fl-uffiċini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija. Mhux ser ikun hemm l-ebda bidla fl-eżaminaturi, il-miżata tal-applikazzjoni jew fl-eżami nnifsu. 

Din hija inizjattiva oħra tal-Awtorita’ għat-Trasport sabiex tkompli tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-pubbliku. Fil-jiem li ġejjin Transport Malta ser tkun qed tikkomunika mal-pubbliku l-proċeduri tal-applikazzjoni ġodda u simplifikati. Għal aktar informazzjoni għamlu kuntatt mad-Dipartiment tal-Ports Commercial fuq [email protected] jew ċemplu fuq wieħed minn dawn in-numri: 2555 5000 / 2122 2203

Ekonomija

Sport