Friday, May 3, 2024

L-Immigranti irregolari

Aqra wkoll

Miktub Minn BENNY BORG BONELLO

Bħalissa hemm il-kontroversja dwar l-immigranti irregolari.  Hemm gruppi li qed jilmentaw dwar id-deċiżjoni li ħa l-Gvern dwar dawn l-immigranti.  Is-sitwazzjoni għandha żewġ aspetti – dak lokali u dak Ewropew.

Nibda fuq dak lokali. F’Malta tista’ tgħid li hemm tliet gruppi.  Hemm dak il-grupp li ma jridx immigranti irregolari minħabba li dawn huma suwed (forsi din il-kelma għal ħafna mhix korretta, biss dik hi l-kelma Maltija bħal ma ‘xjuħija’ hi l-kelma Maltija għal dawk li għandhom iż-żmien u mhux ‘anzjanita’’).  Probabbilment li dan hu l-akbar grupp.  Din mhix xi ħaġa li bdiet illum għax din ġejja mill-antik.  Dejjem ħawwadna l-furbani mat-Torok u dejjem assoċjajna t-Torok man-nies ta’ kulur tal-ġilda skura ħafna.  Dan l-antagoniżmu lejn dawn in-nies kellu l-approvazzjoni ‘mhux uffiċċjali’ tal-Knisja minħabba li dawn dejjem qisnihom li huma kollha Musulmani li għalhekk joffru sfida lir-reliġjon dominanti.  Illum dan forsi naqas, biss, min għandu l-eta’ tiegħi jiftakar f’dak li kienu jgħallmuna dwar il-Musulmani.  Dan il-grupp jagħmel parti mill-grupp li l-barranin f’Malta dejquhom u ġeneralment jemfasizzaw fuq is-suwed għax dawn aktar faċli li tiddistingwihom

Fl-estrem ieħor, hemm imbagħad grupp ieħor li hu parti mill-Partit Nazzjonalista li jrid li Malta ssir ċentru ta’ dawn l-immigranti biex wara nitolbu aktar flus lill-UE.  Dan hu grupp li ċert li anki fil-Partit Nazzjonalista ma jiġbidx ħafna nies.

Hemm grupp ieħor li ma jaqbilx ma’ dawn iż-żewġ gruppi.  Ħaġa li tiddistingwi lil dan il-grupp hi li dawn jixtiequ li dawn l-immigranti li diġa’ għandna nintegrawhom fis-soċjeta’ tagħna.  Hemm ħafna raġunijiet għal dan.  Fosthom hi biex ma noħolqux ghettos bħal ma diġa’ għamilna.  Hemm oħrajn li jippreferu lil dawn l-immigranti mill-barranin Ewropej li għandna fostna.  Dan minħabba l-attitudni.  L-attitudni tas-suwed hi ħafna aktar edukata u ġentloma minn dik tal-Ewropej.  Dawn tal-aħħar għandhom attitudni li huma jafu kollox u aħna ċwieċ.  Ħafna minn dawn ukoll jemmnu li għandhom dritt li jagħmlu li jridu.  L-attitudni tal-maġġoranza kbira tas-suwed hi differenti.  Dan tarah kif jaġixxu fuq il-karozza tal-linja.  Huwa iswed li jqum meta jara xiħ jew xiħa bilwieqfa.  L-ebda Ewropew, inklużi ħafna Maltin, ma jagħmel dan.

Biss dan ma jfissirx li dan il-grupp lest li jaċċetta li jkollna l-bibien tagħna miftuħa beraħ speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi.  L-ewwel li dawn l-immigranti irregolari ma jiġux Malta kumbinazzjoni bħal qabel.  Illum hemm gruppi internazzjonali li għandhom flus biżżejjed biex ikollhom vapuri żgħar li qed iduru biex jiġbru dawn l-emigranti u wara jdaħħluhom f’pajjiżna jew, fil-każ taż-żona tagħna, l-Italja.  Dawn il-gruppi qed jinkoraġġixxu din l-immigrazzjoni irregolari u naħseb tajjeb nibdew naraw minn fejn qed iġibu dawn il-flus.  Jekk iridu jagħmlu hekk, jistgħu imma għandhom jeħduhom pajjiżhom jew fil-pajjiż li qed jirreġistrahom.  

It-tieni raġuni hi llum għalaqna l-portijiet tagħna għat-turisti, li jiġu jonfqu l-flus Malta, u jitilqu, għandna imbagħad inħallu l-portijiet tagħna miftuħa għall-immigranti irregolari?

Raġuni oħra hi li aħna qed ikollna nitgħabbew b’dawn il-problemi mingħajr l-ebda għajnuna mill-UE.  Fil-fatt, jekk l-UE falliet, hi f’din is-sitwazzjoni li tippretendi li aħna u pajjiżi oħra tal-Ewropa ta’ Isfel għandhom iġorru l-piż huma.  Li kieku dawn huma ġusti, kieku l-ewwel jibagħtulna l-għajnuna u t-tieni jaraw fejn  iqassmu dawn l-emigranti.  Tajjeb li ngħidu li dawn l-emigranti mhux Malta riedu jiġu iżda fl-Ewropa ta’ Fuq.  Biss dawn il-pajjiżi imbagħad ma jridux dawn l-immigranti li jiġu miġbura f’Malta u wara jagħtuhom l-opportunita’ li jmorru fejn iridu fl-Ewropa. Tul l-aħħar snin, pajjiżi oħra Ewropej wegħdu li ser jieħdu numru ta’ emigranti li ġew imdaħħla Malta minkejja li ma kellniex obbligu li nagħmlu dan.  Minn dawn, il-pajjiżi Ewropej għadhom ma ħadux 128 emigrant li wegħdu li kellhom jieħdu.  Fil-fatt l-Istati Uniti ħadet aktar immigranti irregolari minn Malta mill-Ewropa kollha.

Biss il-falliment tal-Ewropa hu akbar.  Dan għaliex, il-ħin kollu jitkellmu fuq is-solidarjeta’ meta fir-realta’ dawn ma jagħmlu xejn.  Barra dan, tajjeb li niftakru li l-problema tagħna tal-immigranti hi ġejja mil-Libja – sitwazzjoni li ma ħolquhiex il-Libjani imma l-Ewropej u l-Istati Uniti meta l-ewwel ħolqu l-instabilita’ fil-Libja u wara ma għamlu xejn.

Aspett ieħor tal-falliment Ewropej hu li l-Ewropa għadha ma għamlet xejn biex tara min huma dawk li qed jisfruttaw lil dawn l-immigranti billi jwegħduhom li ser iwassluhom l-Ewropa u wara jħalluhom nofs triq.  

Barra dan, din il-problema tal-immigrazzjoni hi problema Ewropea u għalhekk is-soluzzjoni trid tkun waħda Ewropea u mhux nitfgħuha fuq pajjiżna.

Hemm min dawn l-argumenti ma jipperswaduhx.  Grupp minnhom huwa tip ta’ nies li qatt ma huma kuntenti b’xejn.  Dawn qatt ma ser tipperswadihom għax ikollhom oġġettiv differenti f’moħħhom.  Hemm oħrajn li huma ipokriti, bħal ma għandek ħafna ‘ambjentalisti’ li l-ewwel jippontifikaw fuq l-ambjent u wara ma jużawx it-trasport pubbliku.  

Hemm grupp li vera jemmnu dak li qed jgħidu – li għandna niftħu l-bibien għal dawn l-immigranti irregolari.  Personalment nemmen li dawn għandna nagħtuhom ċans li bħal ma jgħidu l-Ingliżi ‘put one’s money where one’s mouth is’.  Nemmen li l-Gvern għandu jagħti opportunita’ lil dawn li jgħidulu kemm iridu minn dawn l-immigranti u wara li l-Gvern idaħħalhom f’Malta, dawn in-nies ikunu responsabbli għal kull ħaġa li dawn l-immigranti għandhom bżonn sakemm jitilqu minn Malta.  

Sport