Saturday, June 13, 2026

L-Aqwa Tal-Futsal Malti Onorati waqt l-Enemed Futsal Awards 2026

Aqra wkoll

L-aqwa protagonisti tal-futsal Malti ġew onorati waqt l-Enemed Futsal Awards 2026, serata li ċċelebrat il-kisbiet individwali u kollettivi tal-istaġun li għadda filwaqt li mmarkat ukoll il-15-il anniversarju tal-Futsal Malta Association.

Għall-okkażjoni attendew diversi mistednin distinti fosthom l-Onor. Dr. Byron Camilleri, Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, l-Onor. Omar Farrugia, Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, l-Onor. Dr. Alex Perici Calascione, Deputat Kap tal-Oppożizzjoni, Dr. Matthew Paris, Viċi President tal-Malta Football Association, Kevin Azzopardi, CEO ta’ AIMS, Mark Cutajar, CEO ta’ SportMalta, u Kevin Chircop, Chairman ta’ Enemed.

Fid-diskors tiegħu, il-President tal-Futsal Malta Association, Perit Mark Borg, irringrazzja lill-klabbs, lill-plejers, lill-uffiċjali, lill-isponsors u lill-entitajiet kollha li taw is-sapport tagħhom lill-futsal Malti matul dawn l-aħħar 15-il sena ta’ tkabbir kontinwu.

Fil-kategoriji tal-kowċis, Gaetano Papaleo ta’ Zero Sei Futsal rebaħ il-premju ta’ Best Futsal Coach tal-Women’s League, David Bobokhidze ta’ Futsal Selection U19 rebaħ il-premju ta’ Best Futsal Coach tal-Challenger League, filwaqt li Gabriel Dobre ta’ Luxol St Andrews Futsal ġie onorat bħala Best Futsal Coach tal-Premier League.

Fil-kategoriji tal-goalkeepers, Rachelle Borg ta’ Luxol Sports Club Futsal Argus ġiet magħżula Best Goalkeeper tal-Women’s League, Gianni Farrugia ta’ Futsal Selection U19 rebaħ il-premju ta’ Best Goalkeeper tal-Challenger League, filwaqt li Clint Mifsud ta’ University of Malta Futsal ġie vvutat Best Goalkeeper tal-Premier League.

Il-premju ta’ Most Promising Player intrebaħ minn Maksim Radojevic ta’ Futsal Selection U19 wara staġun impressjonanti li fih kellu rwol ewlieni fir-rebħ tal-Challenger League u fil-wasla tat-tim tiegħu sal-finali tal-Knock-Out.

Fil-kategoriji tal-aqwa plejers Maltin, Nell Zarb Cousin ta’ Luxol Sports Club Futsal Argus rebħet il-premju ta’ Best Maltese Player tal-Women’s League, Maksim Radojevic rebaħ il-kategorija tal-Challenger League, filwaqt li Maicon Da Silva ta’ Luxol St Andrews Futsal ġie rikonoxxut bħala Best Maltese Player tal-Premier League.

Il-premjijiet tal-aqwa plejers barranin marru għand Vanessa Carneiro ta’ Zero Sei Futsal fil-Women’s League, Leonardo Rodrigues ta’ Sliema Futsal Fort Fitness fil-Challenger League u Jefferson Breno Alves ta’ Luxol St Andrews Futsal fil-Premier League.

Fil-kategoriji tal-aqwa skorers, Vanessa Carneiro rebħet il-premju ta’ Top Scorer tal-Women’s League b’23 gowl, Luke Urpani ta’ Futsal Selection U19 spiċċa Top Scorer tal-Challenger League b’11-il gowl, filwaqt li Cristian Fernandez ta’ University of Malta Futsal rebaħ il-premju ta’ Top Scorer tal-Premier League wara li skorja 31 gowl matul il-kampjonat.

Il-premju ta’ Top Scorer tal-Laferla Futsal Trophy ġie maqsum bejn Luke Urpani ta’ Futsal Selection U19 u Luke Gatt ta’ Luxol St Andrews Futsal, li t-tnejn spiċċaw il-kompetizzjoni b’sitt gowls kull wieħed.

Premju speċjali matul il-lejla kien il-President’s Choice Award li ngħata lil Celino Alves ta’ Luxol St Andrews Futsal bħala rikonoxximent għall-karriera eċċezzjonali tiegħu u l-kontribut kbir li ta lill-futsal Malti matul is-snin.

L-Enemed Futsal Awards 2026 għal darb’oħra kkonfermaw il-progress kontinwu tal-futsal Malti, filwaqt li taw ġieħ lill-plejers, kowċis u uffiċjali li għenu biex dan ikun staġun ieħor ta’ suċċess għall-isport.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport