Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn età żgħira. Kont dejjem immur il-ground nilgħab ma’ sħabi u ngawdi l-futbol, logħba li dejjem kienet passjoni kbira għalija.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kercem Ajax FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Kerċem kienet differenti minn ta’ oħrajn għax ingħaqadt mat-tim b’injury li żammitni lura għal aktar minn xahar.
Għalhekk kelli nkun paċenzjuż biex nirkupra u nkun nista’ nerġa’ nilgħab. Wara li rkuprajt, bdejt nikseb il-kundizzjoni tal-logħob (‘match fitness’) sabiex ngħin lit-tim itemm ix-xogħol u jilħaq l-għan tiegħu.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tad-Double permezz tar-rebħ tal-Kampjonat u tal-GFA Cup matul l-istaġun li għadda?
Meta ngħaqadt ma’ Kerċem lejn l-aħħar ta’ Jannar, it-tim kien diġà favorit biex jirbaħ il-kampjonat u t-trofew l-oħra kollha disponibbli. It-tim kien organizzat sew u mimli b’ġuħ kbir biex sempliċement itemm ix-xogħol. L-aktar aspett li kellu impatt kbir kien id-dixxiplina li kellu t-tim.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Għall-istaġun li ġej ma’ Kercem Ajax FC, l-għan huwa li niddefendu t-titlu tal-kampjonat u nirbħu kemm jista’ jkun trofej disponibbli.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Danijel Bogdanovic?
Rigward il-kowċ Danijel Bogdanovic, hu l-persuna ewlenija fit-tim. Min-naħa tiegħi, naf li nista’ ntejjeb il-livell tiegħi taħt il-gwida tiegħu u nilħaq livell ieħor bl-għajnuna tiegħu. Huwa vantaġġ kbir għalija li jkolli kowċ bħal Danijel, li dejjem emmen fija minn età żgħira u kien il-persuna li qajmitli l-interess biex ningħaqad mat-tim tiegħu.
X’tikkummenta fuq l-esperjenzi passati tiegħek ma’ Victoria Hotspurs u Nadur Youngsters?
L-esperjenza tiegħi ma’ Nadur kienet waħda ta’ sitt snin mimlija mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli, li għenuni nsir il-plejer li jien illum. Kelli l-unur nirbaħ diversi unuri u nilgħab ma’ Nadur Youngsters. Ninsab tassew grat lejn Nadur talli għenuni nibda l-karriera tiegħi fil-futbol. Il-perjodu tiegħi ma’ Victoria Hotspurs kien wieħed qasir, iżda jiena grat ħafna għall-opportunità u għall-esperjenza li ksibt. Nawguralhom kull suċċess għall-futur!
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent?
Rigward il-livell tal-futbol f’Għawdex, hemm ħafna plejers tajbin li għandhom potenzjal kbir u huma ta’ min isegwihom fil-futur.
U rigward dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Il-grawnds u l-faċilitajiet li nużaw huma ta’ livell tajjeb u jgħinuna nagħtu l-aħjar prestazzjoni tagħna.
Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fil-futbol?
Għall-futur tiegħi, qed infittex li nibqa’ naħdem biex intejjeb il-logħba tiegħi u noħroġ l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi sabiex ngħin lit-tim b’kull mod possibbli.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jjibda jilgħab il-futbol.
Jekk trid tirnexxi fil-futbol, dejjem gawdi l-logħba u ibqa’ dixxiplinat. Il-passjoni żżommok għaddej, filwaqt li d-dixxiplina tgħinek tilħaq is-suċċess fil-futur.



