Saturday, June 13, 2026

Pierre Tonna … jibqa’ eżempju ċar ta’ kif id-determinazzjoni, il-ħidma u l-imħabba lejn l-isport jistgħu jwasslu għal kisbiet straordinarji

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Riċentement, il-Malta Records irrikonoxxiet uffiċjalment tliet rekords nazzjonali miksuba mill-eks kickboxer Malti Pierre Tonna, atleta li matul il-karriera tiegħu kiseb suċċessi internazzjonali importanti u poġġa l-isem ta’ Malta fuq il-mappa tal-kickboxing mondjali.

Illum, fl-età ta’ 51 sena, Tonna jħares lura lejn karriera mimlija sfidi, sagrifiċċji u rebħiet, iżda wkoll lejn tfulija diffiċli li wasslitu biex isib fil-kickboxing mezz kif ibiddel l-enerġija negattiva f’xi ħaġa pożittiva.

“Meta kont żgħir kont nara ħafna affarijiet li tifel m’għandux jara,” beda jgħid Pierre.

“Kont nara vjolenza domestika u kont ukoll vittma tal-bullying. Meta tgħix f’ambjent bħal dak, moħħok ma jibqax l-istess. Kelli bżonn insib mod kif noħroġ ir-rabja, il-frustrazzjoni u l-aggressività li kont qed inġorr fija.”

Kien proprju hawnhekk li daħal il-kickboxing.

“Kont affaxxinat minn Bruce Lee u aktar tard minn Alfie Lewis, li mingħandu tgħallimt ħafna. Dawn kienu l-idoli tiegħi. Rajt fl-arti marzjali mhux biss sport, iżda dixxiplina u mod ta’ ħajja.”

Minn età żgħira beda jitħarreġ b’dedikazzjoni kbira, u ma damx ma beda jispikka fix-xena lokali. Iżda Pierre ma kienx kuntent biss li jirbaħ f’Malta.

“Dejjem xtaqt nittestja lili nnifsi kontra l-aqwa atleti Ewropej. Ridt nara fejn ninsab verament.”

Din l-opportunità waslet permezz ta’ tournaments internazzjonali fejn il-format kien differenti minn dak li ħafna huma mdorrijin jaraw illum.

“Dak iż-żmien ma kontx taf ma’ min se tiġġieled. Int kont tidħol fit-turnament u tkun taf biss il-kategorija tal-piż tiegħek. Jekk kont fil-kategorija ta’ 95 kilogramma, kont tiltaqa’ ma’ min jitla’ quddiemek. Kien hemm diversi ġlidiet fi tmiem il-ġimgħa waħda u kellek tkun preparat għal kollox.”

L-ewwel mument storiku wasal fl-2004 ġewwa Worms, il-Ġermanja.

“Hemmhekk irnexxieli nikseb it-titlu mondjali tal-full contact. Dak iż-żmien ħadd qatt ma kien għamel dak li għamilt jien bħala Malti. Kien unur kbir mhux biss għalija iżda għal pajjiżna.”

Din il-kisba wasslet biex aktar tard il-Malta Records ivverifikat u rrikonoxxiet uffiċjalment ir-rekord bħala l-ewwel persuna Maltija li qatt kisbet titlu mondjali fit-turnament tal-kickboxing full contact.

Iżda Pierre ma waqafx hemm.

Fl-2009, ġewwa Worcester fl-Ingilterra, kiseb suċċess ieħor straordinarju meta rebaħ żewġ titli mondjali fl-istess turnament.

“Dik kienet waħda mill-isbaħ kisbiet tal-karriera tiegħi. Irnexxieli nirbaħ il-kategorija tal-85 kilogramma light contact u wkoll il-kategorija tal-over 35. Kienet doppjetta li għadha sal-lum irreġistrata f’ismi.”

Ftit snin qabel kien ukoll kiseb suċċess simili f’Alcamo, Sqallija, fejn ikkonferma d-dominanza tiegħu fil-kategoriji tal-85 kilogramma u tal-masters.

“Meta tmur barra minn Malta u tirbaħ kontra l-aqwa kompetituri mill-Italja, il-Ġermanja u pajjiżi oħra Ewropej, tifhem kemm ikun kbir is-sagrifiċċju li tkun għamilt biex tasal hemm.”

Għalkemm il-glorja sportiva kienet kbira, Pierre jistqarr li mhux dejjem sab l-appoġġ li kien jistenna.

“Kien hemm drabi fejn wegħduni għajnuna finanzjarja jew fondi relatati mal-parteċipazzjoni tiegħi fl-Ewropa, iżda qatt ma rajthom. Dak kien jiddispjaċini għax ħafna mill-ispejjeż kont nonfoqhom minn buti stess.”

Madankollu, dan qatt ma waqqfu milli jkompli jirrappreżenta lil Malta.

“Meta kont nitla’ niġġieled barra minn Malta, dejjem kont inħoss li mhux qed niġġieled għalija biss. Kont qed niġġieled għall-bandiera Maltija.”

Wara snin twal ta’ kompetizzjoni, Pierre ddeċieda jagħlaq il-karriera kompetittiva tiegħu fl-2010.

“Ħassejt li kien wasal iż-żmien. Kont ksibt dak li xtaqt nikseb u ridt nagħti lura lill-isport.”

Kien proprju f’dak il-mument li beda l-vjaġġ tiegħu bħala kowċ.

“Ħabib tiegħi qalli biex nibda nikkowċja aktar bis-serjetà. Fil-verità kont diġà nagħmel dan. Kelli grupp żgħir ta’ studenti u fi żmien relattivament qasir irnexxielna niksbu suċċessi sbieħ.”

Ir-riżultati ma damux ma waslu.

“Kelli ħames studenti li saru champions ta’ Malta. Flimkien ġibna erba’ titli nazzjonali. Dik tagħtik sodisfazzjon differenti minn meta tirbaħ int personalment.”

Pierre jemmen li l-kowċing huwa mod kif jgħaddi l-esperjenzi tiegħu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

“Jien mhux biss ngħallimhom kif jiġġieldu. Ngħallimhom kif jiafaċċjaw l-isfidi tal-ħajja. L-isport jgħallmek rispett, dixxiplina u kontroll personali.”

Riċentement, il-Malta Records iddeċidiet li tirrikonoxxi uffiċjalment il-kisbiet tiegħu wara proċess ta’ verifika dettaljat.

“Ħassejtni onorat immens. Dawn huma affarijiet li ilhom ħafna snin seħħew u kultant taħseb li ntesew. Meta Jeffrey u t-tim tal-Malta Records bdew jinvestigaw u jivverifikaw id-dokumenti kollha, fhimt li finalment dawn il-kisbiet kienu se jingħataw il-valur li jixirqilhom.”

Għalih, l-unur li rċieva tfisser ħafna aktar minn sempliċi premju.

“Hija forma ta’ rikonoxximent. Hija prova li dak li għamilt baqa’ mnaqqax fl-istorja sportiva ta’ Malta. Hemm ħafna nies li lanqas biss kienu jafu b’dawn il-kisbiet.”

Minkejja s-suċċessi kollha, Pierre jibqa’ persuna umli u ffukata fuq il-messaġġ li jixtieq jgħaddi.

“Jekk hemm xi ħaġa li nixtieq ngħid liż-żgħażagħ, hija li kull esperjenza negattiva tista’ tinbidel f’waħda pożittiva. Jien ġejt minn sitwazzjonijiet diffiċli, rajt affarijiet li ħallew impatt fuqi, iżda minflok ħallejthom jeqirduni, użajthom biex nibni lili nnifsi.”

Illum, Pierre Tonna jibqa’ eżempju ċar ta’ kif id-determinazzjoni, il-ħidma u l-imħabba lejn l-isport jistgħu jwasslu għal kisbiet straordinarji. U grazzi għar-rikonoxximent tal-Malta Records, l-isem tiegħu se jibqa’ marbut għal dejjem ma’ paġna importanti fl-istorja tal-kickboxing Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport