Għall-ewwel darba sa mit-twaqqif tal-GWU Għaqda Pensjonanti 34 sena ilu, il-Kumitat Eżekuttiv tal-istess għaqda ltaqa’ fil-gżira ta’ Għawdex.
Is-Segretarju tal-GWU Għaqda Pensjonanti Tony Zarb fisser dan bħala sinjal ċar li l-membri tagħhom Għawdxin qed jingħataw l-istess importanza daqs dawk Maltin.
Fil-bidu tal-laqgħa, is-Sur Zarb qal li wasal iż-żmien li perjodikament, mingħajr ma jintrabtu ma’ data partikolari, rappreżentanti tal-Għaqda jitilgħu Għawdex u jiltaqgħu mal-membri Għawdxin.
Huwa żied jenfasizza li qed issir ħidma sabiex fl-attivitajiet li l-Għaqda se torganizza matul is-sena d-dieħla, fl-okkażjoni tal-35 sena mit-twaqqif tagħha, issir ukoll attività għall-Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-GWU Għaqda Pensjonanti Lino Debono qal li “huwa ta’ pjaċir għalina li għall-ewwel darba qegħdin niltaqgħu fil-gżira ta’ Għawdex. Din kienet ħolma tagħna li ilna biex nagħmluha u issa qed inwettquha. Nixtiequ wkoll li ‘l quddiem issir ukoll taħdita edukattiva f’Għawdex.”
Sadanittant, waqt il-laqgħa tal-bieraħ intlaħaq qbil sabiex l-inizjattiva li s-Sur Zarb kien ħa s-sena li għaddiet, fejn kiteb post fuq Facebook biex dawk l-anzjani li jħossuhom waħedhom fi żmien il-Milied u jixtiequ li xi ħadd ikellimhom jikkuntattjawh, terġa’ ssir din id-darba bħala Għaqda.
“Din tidher li niżlet tajjeb. Is-sena li għaddiet għamilt 38 telefonata. Bħala Għaqda nemmnu li b’dan il-mod inkunu ta’ wens għal dawk l-anzjani li jkunu waħedhom u jridu li jitkellmu ma’ xi ħadd f’dan il-perjodu,” qal is-Sur Zarb.
Dwar il-Get Together tal-Għaqda li sar it-Tnejn li għadda proprju f’Jum ir-Repubblika, intqal li din l-attività kienet waħda suċċess fejn il-konkorrenza kienet waħda tajba ħafna.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li kellu kliem ta’ tifħir għall-ħidma li qiegħda twettaq il-GWU Għaqda Pensjonanti fost l-anzjani.
“Intom tistgħu tagħtu ħafna pariri u anke tiftħu għajnejn iż-żgħar. Hi ħaġa sabiħa li tibqgħu attivi u tibqgħu torganizzaw l-attivitajiet għall-membri tagħkom,” qal il-Ministru Camilleri.