Saturday, November 30, 2024

L-Eżerċizzju Fiżiku huwa Ġawhra Ħolistika

Aqra wkoll

Minn Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, BSc (Hons) Rad, M.D.(Radjografa u Tabiba)

Fid-dinja ta’ llum, sirna ngħixu ħajja mgħaġġla, u għaldaqstant qeghdin nagħmlu użu ta’ iktar mezzi avvanzati ta’ teknoloġija moderna, allura sfortunatament dan jista’ jwassal ukoll li wieħed jirrikorri għal nuqqas ta’ attivita fiżika. 

Infatti, diversi studji barranin juru li wieħed sar iqatta’ minn tal-inqas seba’ sigħat bilqiegħda f’ġurnata sħiħa, kemm jekk fuq il-post tax-xogħol, fuq mezzi ta’ transport, jew anke d-dar, meta nistrieħu, bħal per ezempju, meta nkunu qed naraw it-televiżjoni.

Bla ebda dubju, l-eżerċizzju fiżiku huwa importanti ferm għal ħajja sana, u jista’ jgħin milli wieħed jiżviluppa ċerti kundizzjonijiet mediċi. Infatti, ta’ min isemmi wkoll dawn il-benefiċċji relatati mal-attività fiżika:-

  • Il-kontroll tal-piż u l-komposizzjoni tal-ġisem: Huwa fatt magħruf illi l-eżerċizzju jgħin sabiex wieħed jaħraq il-kaloriji żejda, li jkun kiel minn ikel varju. Dan sintendi jgħin biex wieħed ikun jista’ iżomm piż bilanċjat, jew inkella għal telf ta’ piż. Wieħed ikun wkoll qed inaqqas l-ammont ta’ xaħam maħżun f’ġismu.
  • Irqad san: Huwa fatt magħruf illi l-eżerċizzju fiżiku li jkun sar b’mod regolari, matul il-ġurnata, eventwalment jgħin biex wieħed jorqod iktar fil-fond matul il-lejl.
  • Inqas riskju ta’ mard kardjovaskulari: L-eżerċizzju fiżiku jgħin ukoll biex wieħed inaqqas pressjoni għolja fid-demm, kolesterol jew zokkor għoli, u għalhekk wieħed ikollu inqas riskju ta’ attakki tal-qalb, jew puplesiji.
  • Inqas riskju ta’ ċerti tipi ta’ kancer: Diversi riċerkaturi jsostnu li wieħed ikollu ferm inqas riskju ta’ kanċer tal-musrana, tal-marrara, jew tas-sider jekk wieħed jevita’ li jaddotta ħajja sedentarja.
  • Għadam u sistema muskolari: Meta wieħed ifittex li jagħmel eżerċizzju fiżiku regolari, ikun ukoll qed jsaħħaħ l-għadam, il-muskoli u kif ukoll, il-ligamenti. Għalhekk, wieħed ikun qed inaqqas ir-riskju li taqbdu osteoporożi, jew artrite iktar ’il quddiem.
  • Is-saħħa mentali: Hemm iktar ċans li wieħed jħossu kuntent, jew inqas anzjuz, meta jagħmel l-eżerċizzju regolari, minħabba li dan jgħin biex jistimula r-rilaxxament ta’ ċerti kimiki fil-moħħ li jipprevjenju d-dipressjoni.

Naturalment, il-ġisem uman għandu bżonn attività fiżika regolari, sabiex jibqa’ f’saħħtu, u għalhekk wieħed għandu jevita’ li jaddotta stil ta’ ħajja sedentarja. Jekk wieħed minn tal-inqas jaghmel bejn 30 – 60 minuta ta’ eżerċizzju fiżku, imqar minn 3 sa 5 ijiem fil-ġimgħa għandu jkun biżżejjed, sabiex jibbenifika mill-fatturi kollha li tkellimna dwarhom f’dan l-artiklu. 

Għalhekk, wieħed qatt ma għandu jaqta’ qalbu, u jista’ jfittex li jaddatta t-tip ta’ eżerċizzju, għall-età u l-kapaċitajiet tiegħu.

Sport