Saturday, May 18, 2024

L-FA Spanjola titlob lill-UEFA biex tkeċċi lit-timijiet Spanjoli mill-kompetizzjonijiet Ewropej

Aqra wkoll

L-iskandlu ta’ Luis Rubiales qed ikompli jiddomina l-aħbarijiet madwar l-Ewropa, speċjalment fi Spanja. 

Il-president tal-FA Spanjola, Luis Rubiales, ġie sospiż mill-FIFA għal 90 jum, u x’aktarx qed iħares lejn sospensjoni mill-Ministeru għall-Isport ukoll, li tista’ ddum bejn sentejn u 15-il sena.

Barra minn hekk ħarġet l-aħbar ukoll li t-timijiet Spanjoli  jistgħu jitkeċċew mill-kompetizzjoni Ewropea wara ittra mibgħuta mill-FA Spanjola. 

Is-segretarju ġenerali, Andreu Camps, bagħat ittra lill-UEFA fejn talabha li tintervjeni fid-dawl tal-mossa tal-Gvern Spanjol biex jissospendi lil Rubiales, u f’xi każijiet, talbu għar-riżenja tiegħu.

Madankollu din it-talba hija mistennija li tkun rifjutata. Il-UEFA u Aleksander Ceferin irċevew l-ilment nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar, qabel ma l-FIFA issospendiet lil Rubiales.

Rubiales għandu l-kariga ta’ viċi-president fil-UEFA, li għad iridu jagħmlu dikjarazzjoni pubblika. Minkejja l-pressjoni fuq il-media soċjali biex dawn jiddistanzjaw lilhom infushom minn Rubiales, jidher li se jaraw kif fl-aħħar mill-aħħar se jintemm dan il-każ qabel ma  jagħtu l-verdett tagħhom dwar il-kwistjoni.

Kulma jmur, Rubiales qed jinqata’ għalih waħdu bil-konsegwenza li se tkun impossibbli għalih li jżomm il-pożizzjoni tiegħu fil-federazzjoni Spanjola. 

Sport