Wednesday, April 24, 2024

L-FŻL b’mozzjoni dwar il-Kannabis għall-użu personali b’mod responsabbli

Aqra wkoll

Fl-ispirtu tal-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li jiġi mniedi dibattitu nazzjonali dwar jekk u kif għandu jkun hemm passi ulterjuri għad-dekriminaliżazzjoni tad-droga kannabis, fosthom diskussjoni dwar l-użu personali b’mod responsabbli tagħha, il-Forum Żgħażagħ Laburisti ppreżenta mozzjoni politika dwar dan is-suġġett waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ din is-sena.

Permezz tal-mozzjoni, il-Forum Żgħażagħ Laburisti jirrikonoxxi li l-proċess leġislattiv li ddekriminalizza id-droga kannabis ħalla effett pożittiv, mhux biss legali, iżda wkoll soċjali, partikolarment fil-qerda ta’ sterjotipi negattivi relatati mal-użu personali b’mod responsabbli tad-droga kannabis.

Infatti, il-mozzjoni hija mibnija fuq żewġ pilastri: il-kontinwazzjoni ta’ riċerka u l-edukazzjoni. 

Permezz ta’ din il-mozzjoni, l-FŻL jinnota li madanakollu, id-dekriminalizzazzjoni tad-droga kannabis għadha fi stadju bikri, hekk kif is-sejbien ta’ ammonti relattivament żgħar xorta waħda qiegħdin iwasslu għal proċeduri kriminali. Għaldaqstant jipproponi aktar reviżjoni fil-liġi biex tirrifletti r-realtà tal-lum.

Apparti minn hekk, biex ikun żgurat li jinqered it-traffikar illegali tal-istess sustanza, l-FŻL ippropona li titkompla r-riċerka biex jinstab l-aktar mudell ta’ legalizazzjoni li jagħmel sens għar-realtà ta’ pajjiżna, b’mod li jagħti serħan il-moħħ lill-utenti tas-sustanza. 

Dan kollu qiegħed jiġi mressaq ‘il quddiem fi sfond li titkompla kampanja edukattiva fattwali u effettiva dwar l-effetti tad-droga, biex ikun skoraġġit l-użu tagħha u tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-poplu Malti.

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti, permezz ta’ din il-mozzjoni qed jara li jkompli jiġġieled ir-realtà kerha ta’ esklużjoni u marġinalizazzjoni soċjali li jistgħu jwasslu għal dannu fuq is-soċjetà nnifisha.

Fix-xahar li ġej, l-FŻL propona wkoll li jidħol f’diskussjoni mal-istakeholders ikkonċernati biex ifassal pożizzjoni studjata bi proposti ċari u konkreti. Dawk kollha li huma interessati li jipparteċipaw f’dan id-dibattitu huma mitluba li jiktbu lill-FŻL permezz ta’ email fuq [email protected]

Sport