Wednesday, April 24, 2024

“L-għajnuna jeħtieġ tingħatalna kemm jista’ jkun malajr għax qed jinqerdu kolonji sħaħ ta’ naħal”

L-Għaqda tat-Trobbija tan-Naħal u l-Għasel Malti tappella għal għajnuna immedjata minħabba invażjoni tal-Bagħal taż-Żunżan.

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

In-naħħala f’pajjiżna jinsabu għaddejjin minn kriżi. Dan hekk kif f’pajjiżna hawn invażjoni kbira ta’ Bagħal taż-Żunżan li qiegħed jattakka kolonji tan-naħal li bħalissa huwa megħdi f’ħidma biex jipproduċi l-għasel. Il-Bagħal taż-Żunżan huwa ikbar min-naħla u għandu l-kapaċità li jaqsamha min-nofs u jiklilha l-parti ta’ quddiem, dik li fiha jkollha maħżunin in-nutrimenti li tuża għad-dakkir. 

Dan is-sit tkellem dwar din il-problema mas-Segretarju tal-Għaqda tat-Trobbija tan-Naħal u l-Għasel Malti Rodney Galea li qalilna li ilu jrabbi n-naħal għal dawn l-aħħar 15-il sena. Bħala kwota, Galea għandu mal-40 kolonja li f’kull waħda hu stmat li jkun hemm medja ta’ 10,000 naħla. Galea spjegalna li f’kull kolonja għandek naħal li jaqdi funzjonijiet differenti fosthom ir-reġina tan-naħal, il-bugħla li jiġu l-irġiel tan-naħal, il-ħaddiema fuq ġewwa tal-kolonja u dawk li jkunu qegħdin jiġbru n-nutrimenti mill-għelieqi. Dawn il-kolonji jkunu mqassmin madwar il-pajjiż kollu skont in-nutrimenti li jkun hemm fiż-żona u n-naħħal jiġbor l-għasel skont l-istaġuni. F’Malta hawn erba’ tipi ta’ għasel prinċipali, b’oħrajn jiżdiedu f’każi fejn in-naħħal iħallat l-għasel ta’ żewġ staġuni biex itejjeb il-palat.

L-istaġun tar-rebbiegħa jibda għall-ħabta ta’ Marzu u l-għasel jinqata’ f’Mejju, f’Lulju jibda s-sagħtar li jinqata’ għall-ħabta ta’ Awwissu, wara jibda l-ewkaliptus u kif jibda jersaq ottubru jibda l-istaġun tal-ħarruba. 

Il-Bagħal taż-Żunżan kapaċi jaqsam in-naħla min-nofs u jiklilna l-parti t-tajba

Mistoqsi rigward il-popolazzjoni tan-naħal u tal-Bagħal taż-Żunżan f’pajjiżna, Galea spjegalna li hemm bżonn li l-popolazzjoni tan-naħal tkun ferm ikbar minn dik tal-Bagħal, għax filwaqt li tal-ewwel iddakkar (jipproduċi), il-Bagħal huwa kannibalu u jitkattar filwaqt li joqtol il-popolazzjoni tan-naħal.

Galea qal ukoll li studji juru li n-naħla ddakkar minn nutrimenti li l-ebda innovazzjoni xjentifika mhi kapaċi tipproduċi. Dan għax in-naħla għandha l-kapaċità li ddakkar mill-aħjar nutrimenti, fis-sens li kapaċi tagħżel l-aħjar affarijiet minn prodotti bħalma huwa ċ-ċitru, frott irqiq u anke minn sorsi oħra bħalma huma x-Xewka l-Bajda u s-Silla. 

Is-Segretarju tal-Għaqda kellimna wkoll dwar it-tingża tan-naħla. Qalilna li naħla ġieli tiġi miegħek, toqgħod fuq il-flokk u ma tniggżikx. Ix-xewka tan-naħla hawn min ma tagħmillu xejn u hawn min tista’ toqtlu. Madanakollu x-xewk tan-naħal fih nutrimenti li jista’ jipprevenilek minn ħafna mard. Barra minn Malta hemm proċess biex in-naħal iwaqqa’ bħal trab li jintuża għall-kura tal-kanċer. Dan it-trab hu stmat li jiswa madwar tliet darbiet iżjed mid-deheb għax ovjament biex tiġbor żewġ grammi trid ammont esaġerat ta’ naħal.

Jeħtieġ li min jagħlef barra jagħlef b’mod responsabbli

Mistoqsi dwar jekk l-invażjoni tal-Bagħal taż-Żunżan hix xi ħaġa lokali jew impurtata, Galea qalilna li s-sitwazzjoni hija pjuttost kritika u li jemmnu li l-invażjoni ġejja miż-żewġ naħat. Rigward l-invażjoni lokali huwa qalilna li hemm bżonn li dawk li jagħlfu l-qtates ta’ barra t-triq jkunu mgħarrfa dwar il-ħsara li qegħdin jikkawżaw meta jagħlfu b’mod irresponsabbli. 

“Nixtieq niċċara punt, aħna m’għandna l-ebda problema li jkun hawn min jagħmel xi ħaġa bħal din li meta ssir b’mod responsabbli tista’ tkun ta’ ġid għal annimali inqas ixxurtjati. Madanakollu mhux aċċettabbli li ssib min jifraħ għax ikun qiegħed jagħlef il-Bagħal taż-Żunżan mal-qtates. Dawn letteralment ma jafux x’inhuma jagħmlu. Bagħal taż-Żunżan jista’ jraqqad nervaturi ta’ persuna, iżda jekk iniggeż qattus kapaċi jħallih imut tal-post”, kompla biex jelabora Galea. 

Bħala Għaqda, huma qegħdin jappellaw għal aktar edukazzjoni fejn jidħol għal tal-annimali u li filwaqt li preferibbilment jingħalef ikel xott, jekk jintuża wet food dan idealment jitqassam bejn id-9:00 p.m u t-3:00 a.m għax il-Bagħal taż-Żunżan jerġa’ jibda jfittex l-ikel maż-żernieq.

Nassa waħda tiswina mal-€50 u mhux kulħadd jaffordjaha

Qalilna wkoll li bħala Għaqda jkollhom kuntatt ma’ naħħala barranin u li hemm minnhom li jinsabu għaddejjin b’ħidma biex jeqirdu l-bejtiet tal-Bagħal taż-Żunżan. Foat metodi oħra huma qegħdin jużaw trackers biex isegwuh lejn il-bejta u jeqirduha. Min-naħa l-oħra f’pajjiżna għadha mhix tittieħed azzjoni biex ikun hawn kontroll. 

“S’issa huma l-istess naħħala li qegħdin jippruvaw jeqirdu l-Bagħal taż-Żunżan. Biex dan iseħħ hawn minna li ma jaffordjawx jagħmlu dan. Pheromone trap waħda tiswina mal-€50 u s’issa nemmnu li din hija l-aħjar soluzzjoni. Barra minn hekk din in-nassa hija maħduma b’tali mod li ma tikkawżax detriment għall-bqija tal-ħlejjaq anke minħabba li titqiegħed f’ċertu pożizzjonijiet”, kompla biex jispjega Galea. 

Saħaq li minkejja li d-diskussjonijiet mal-entitajiet lokali bdew diġà, s’issa għadhom ma waslux għal qbil anke minħabba li għal xi raġuni l-awtoritajiet mhux jifhmu dwar il-gravità tas-sitwazzjoni. 

“Għalkemm lesti li jagħtuna l-għajnuna għad m’hemmx qbil dwar il-fatt li dawn in-nases jeħtieġ li jingħataw kemm jista’ jkun malajr għax il-Bagħal taż-Żunżan qiegħed jattakka n-naħal u jeqred kolonji sħaħ”, żied jgħidilna s-Segretarju filwaqt li spjega li t-talba hija ta’ Pheromone trap għal kull ħames kolonji. Huwa spjega li dan ifisser li naħħal b’kolonja sa ħamsa għandu jingħata nassa xorta waħda, u mhux għax ikollu bejn waħda u erbgħa ma jieħu xejn. Dawk b’aktar minn ħames kolonji jingħataw nases skont il-proporzjon tal-miċbħa (post fejn irabbli l-kolonji) biex tiġi kkontrollata kemm jista’ jkun il-popolazzjoni tal-Bagħal taż-Żunżan 

Galea temm jappella biex dwar l-importanza li nagħtu prijorità lill-prodott lokali u li għalhekk jeħtieġ li tingħata din l-għajnuna kemm jista’ jkun malajr. Minn hemm l-awtoritajiet għandhom ikomplu jaħdmu biex dawn in-nases jinfirxu fi spazji pubbliċi u jkun hawn anke persuni responsabbli mill-kontroll tal-Bagħal taż-Żunżan.

Informazzjoni maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)

FATTI

Il-bagħal taż-żunżan, magħruf ukoll bħala l-oriental hornet bl-Ingliż huwa tip ta’ żunżana indiġena li minn dejjem kienet tinstab f’Malta.

Hija importanti għax tikkontrolla numru ta’ annimali oħra bħall-ġurati, żunżan ieħor u numru ta’ insetti oħra.

Predatur naturali, li jattakka jekk jiġi mhedded jew attakkat u jista’ jagħti tingiża.

Ma toqtolx (sakemm wieħed mhux allergiku għall-gdim tan-naħal u ż-żunżan), imma t-tingiża, bħal kull tingiż ieħor, tista’ jweġġa’.

STAT

Kienet kemxejn rari sa ftit ilu, imma żdiedet fl-ibliet u ż-żoni urbani aktarx minħabba żieda fl-ikel artifiċjali għaliha, peress li tiekol ukoll ikel tal-qtates (Wet food) u ikel ieħor mormi jew li jitħalla barra.

TAGĦMILX

Peress li tniggeż jekk provokata, l-aħjar hu li tinjoraha u ma jintużawx sprej jew tipprova tkeċċiha b’idejk jew b’movimenti rapidi/mgħaġġla.

X’GĦANDEK TAGĦMEL

  • Neħħilha l-ikel li attiraha;
  • Tħallix ikel tal-qtates barra;
  • Għatti l-ikel tiegħek u ermih kif suppost;
  • Osserva r-regoli tal-iġene

Dan iż-żunżan predatur tan-naħal tal-għasel wkoll, imma n-naħal tagħna adattat għalihom għax ilhom jgħixu flimkien għal għexieren ta’ eluf ta’ snin.

Il-problema huma kolonji ta’ naħal barrani jew aljen u domestiku, li mhux imdorrijin daqshekk.

Għalhekk, aħjar tuża n-naħla Maltija, li hija endemika għal Malta fl-apikultura/fil-produzzjoni tal-għasel.

Sport