Wednesday, April 24, 2024

ESPROPRJAZZJONI, ŻWIEĠ U RELIĠJOŻITÀ TAL-POLITIĊI

Tikteb Lorna Vassallo.

Aqra wkoll

Is-sentejn li ħdimt ġewwa l-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja tani perspettiva ġdida u kemm it-traduzzjoni ta’ kelma waħda hija ferm iktar minn sempliċement traduzzjoni.

Pereżempju meta Malti jgħid ‘sejjer btala’, dak probabbilment ifisser illi jaffordja jħallas is-self fuq id-dar/flett ta’ minimu ta’ 55m2, jaffordja karozza u jaffordja jmur btala. Meta Ġermaniż minn Berlin jgħid l-istess ħaġa jaffordja jħallas il-kera ta’ post ġieli mhux ikbar minn 35m2, m’għandux karozza u jaffordja jħallas btala.

Iżda differenzi oħra li joħorġu ċari bejn il-popli Ewropej u dak Malti huma wkoll fiż-żwieġ. Għalkemm wieħed faċli jargumenta illi ż-żwieġ jibda bl-imħabba u huwa bbażat fuq il-morali, il-moraltà tiddependi ferm iktar milli naħsbu fuq il-mezzi finanzjarji.

Hawn min jisraq għall-kapriċċ u hawn min jisraq biex jiekol. Id-dnub tat-tieni żgur li mhux deplorabbli daqs tal-ewwel. Is-serq sabiex wieħed jgħejjex lilu nnifsu huwa l-eżempju estrem. Imma l-fatt li koppja taħsibha darbtejn jew saħansitra tiddeċiedi li ma tiżżewwiġx u/jew li ma jkollhiex tfal jista’ wkoll jitnissel minn biża’ li fil-ġejjieni l-koppja ma tkunx tista’ tlaħħaq mal-ħajja. 

Il-borma tal-ġar tfuħ aktar minn tad-dar. Ħafna drabi l-Maltin iħarsu ferm ’il fuq lejn pajjiżi oħra Ewropej. Iżda meta fl-2020 tlajt Berlin, qabel il-COVID-19, sibt protesti ta’ għexieren ta’ eluf fit-toroq. Dawn saru miċ-ċittadini kollha li jikru u li jammontaw għal 80% tal-popolazzjoni tal-istess belt. Kienu qed jipprotestaw kontra l-ftit kumpaniji kolossali li waħedhom għandhom ħafna mill-proprjetà f’Berlin.

Lorna Vassallo

L-iktar kumpanija li għandha proprjetà jisimha Deutsche Wohnen u għandha ’l fuq minn 113-il elf proprjetà waħedha. Kumpanija oħra bl-isem ta’ Vonovia għandha ’l fuq minn 43,000 proprjetà. Bejn l-2014 u l-2019 il-kera f’Berlin għoliet bi 30%.  

Filwaqt li l-gvern ta’ Berlin fi Frar 2020 kien għadda liġi li tistabilixxi kemm tista’ tkun kirja ta’ appartament ta’ ċertu kobor, obbliga sidien tal-bini jnaqqsu l-kera. Iżda, ftit żmien wara l-Qorti ddeċidiet li l-gvern ma setax jagħmel dan.  

Referendum li sar f’Settembru 2021 sabiex il-gvern jesproprja l-proprjetà mingħand tali kumpaniji nagħta l-appoġġ ta’ 56.4% tal-popolazzjoni ta’ Berlin li teċċedi l-miljun ruħ. U l-istorja tkompli.  Illum ġewwa Berlin, appartament ta’ kamra tas-sodda waħda (ta’ 50m2) jista’ jiswa mad-Eur900 fix-xahar.

U meta l-poplu jkun kważi kollu jiddependi fuq il-kera, il-valuri jitbiddlu. Għaliex id-differenza bejn ħlas ta’ kera kull xahar (jorqod u jqum miegħek) u ħlas lura ta’ self mill-bank huwa li s-self dejjem ikun ipproġettat li sa ċertu żmien ikun tħallas kollu u li iktar ma wieħed jew waħda jħallsu minnu jekk joqogħdu bil-għaqal, aktar jonqos.

Iżda l-kera ma tonqos qatt u ma tmut qatt.  Il-Ġermaniżi ta’ bliet kbar Ġermaniżi jserrħu moħħhom biss billi jħallsu l-assikurazzjonijiet apparti t-taxxa, ħalli meta jikbru fiż-żmien iħallsu l-kera minn dawn. 

Iżda għalkemm is-sitwazzjoni ta’ min ikun fil-kera waħdu tista’ tkun diġà waħda diffiċli kemm hi iktar meta wara persuna li tibni familja, issib diffikultà fir-relazzjoni?

Koppja li tiżżewweġ taqsam il-piż finanzjarju fi tnejn.  Il-kera u l-ispejjeż kollha jinqasmu bejn tnejn u l-kuntentizza ma tiġix biss mis-sabiħ tal-kumpanija li l-koppja joffru lil xulxin iżda wkoll mis-sostenn finanzjarju li bih iwieżnu lil xulxin.  Id-900 Ewro jew Eur1100 fix-xahar ikun il-bejta ta’ mħabba u serħan il-moħħ tat-tnejn li huma.  Ovvjament, bil-miġja tal-ulied l-ispejjeż jogħlew u l-ispazju jonqos iżda l-armonija tissokta.

Iżda jekk xi darba tfaqqa’ sajjetta fil-bnazzi, il-kera mhix bħad-dar li xtrat il-koppja f’Malta.  Hanwhekk, meta koppja Maltija tkun propretarja tad-dar fejn toqgħod, wara li tissepara u/jew tiddivorzja, taqsam il-proprjetà jew tbigħha u minn dak li jifdal wara li jitħallas il-bank, tibni futur ġdid.

Koppja f’Berlin, wara divorzju, tispiċċa tħallas żewġ appartamenti flok wieħed.  Minn Eur1100 fix-xahar bejn tnejn, tispiċċa tħallas Eur2000 bejn tnejn. L-ispejjeż rari jkunu maqsumin eżattament min-nofs.  Min ikollu l-iktar lit-tfal miegħu dejjem irid jiġi sostnut aktar mill-ġenitur l-ieħor.  U min ikollu paga inqas iħallas inqas.  Għalhekk ħafna drabi r-raġel jispiċċa jħallas aktar mill-mara.

Din hija t-traġedja li verament jibżgħu minnha l-koppji Ġermaniżi. U fejn theddida bħal din, il-morali jieħdu t-tieni post.

Għalhekk, ir-riżorsi finanzjarji tal-Maltin dejjem żammew żwiġijiet/relazzjonijiet b’saħħithom f’pajjiżna.  Mhix sempliċement kwistjoni ta’ suċċess tar-reliġjożità tagħna, imma wkoll tar-reliġjożità tal-politiċi tagħna (jekk irridu npoġġuha hekk). Jew tal-valuri kristjani tal-politiċi tagħna.

Dak li l-Ġermaniżi qed jiġġieldu għalih issa, jiġifieri l-esproprazzjoni, ilu li sar minn gvern laburista tal-passat. U sar f’waqtu.  Il-Prim Ministru tal-lum ma jistax jagħmel dak li sar dak iż-żmien faċilment mingħajr ma jaqbżu fuqu l-Qrati. Iżda dak li seta’ deher bħala xi ksur tad-drittijiet tal-bniedem ta’ xi wħud li għandhom iktar minn proprjetà waħda (“is-sinjuri”), ta liż-żgħir il-kuntentizza u fuq kollox, il-moralità dejjiema. Iċ-ċans li jaffordja jiżżewweġ u jgħix ġo daru stess u mhux ġewwa dar ħaddieħor. 

Il-bini soċjali u l-għajnuna fil-ksib tal-proprjetà tal-gvern fil-passat, fil-preżent u fil-futur li huma mod ieħor kif iż-żgħirikollu daru, ma jistgħux ħlief iżommu familji sħaħ flimkien. Meta żewġ żgħażagħ Maltin jiltaqgħu u jiddeċiedu li jibnu familja, jafu wkoll li jekk jiġi l-maltemp xorta hemm futur.

Għal ħafna żgħażagħ Ewropej li jgħixu fi bliet kbar ir-riskji ta’ abbissi bla qiegħ wara divorzju tant huma kbar li jaqtgħulhom qalbhom milli jiżżewġu. Minflok jagħżlu ħajja nomada jibdlu djarhom kull sena biex forsi jiffrankaw ftit kera.

Għal ċerti Ewropej, iż-żwieġ huwa lussu li ma jifilħux għalih finanzjarjament. Mhux sempliċement għażla sentimentali, emozzjonali u morali. Iva, il-Maltin għad baqgħalhom il-lussu li jkollhom biżżejjed mezzi u għajnuna mill-gvern biex jiżżewġu. U huwa d-dover tal-gvern biex dan il-lussu jibqa’ hemm u jiddaħħlu dejjem iktar inċentivi biex mhux biss iż-żwieġ ikun aktar faċli għall-koppji iżda wkoll it-tnissil tat-tfal u l-bini tal-familja. 

Stabbiltà fil-finanzi tfisser stabbiltà fir-relazzjonijiet u fis-soċjetà.  Ir-ruħ soċjali tal-gvern u l-politiċi tagħna għalhekk għandhom jieħdu ħsieb illi l-animu jibqa’ dejjem hemm, kif fil-fatt qed jagħmlu b’suċċess u għal benefiċċju ta’ kulħadd.

Sport