Tuesday, April 23, 2024

SOĊJALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Qed tikber il-kuxjenza li min jinsab f’l-isfel tal-iskala soċjali min għandu dħul baxx jew impjieg prekarju se jkun vulnerabbli sew għad-daqqiet li l-ekonomiji Ewropej mistennija li jaqilgħu fix-xhur li ġejjin.

Jekk se jkun hemm bżonn li ċ-ċinturin jiġi ssikkat, se jkun hemm bżonn ukoll li jittieħdu miżuri biex jiżguraw li min diġà qed isibha diffiċli li jżomm fil-wiċċ, ma jegħreqx.

Diversi gvernijiet qed ifasslu politika soċjali li tilqa’ għal din l-esiġenza. Tqajmu wkoll ideat għal ħidma fuq livell Ewropew.

Dan kollu tajjeb u l-gvern Malti jidher li miexi f’din il-linja. Madankollu hemm mira oħra li għandha tiġi assigurata. Din hi li l-ebda ditta hi min hi, privata jew publika, ma titħalla tagħmel profitti eċċezzjonali jew eċċessivi minn xi aspetti tal-qagħda ekonomika kif tkun qed tinbidel.

“EVENTS DEAR BOY”

Darba, ilu ħafna, meta Prim Ministru tar-Renju Unit kien Harold Macmillan tal-Partit Konservattiv, ġurnalist staqsih x’kienet l-aktar ħaġa li tista’ taffettwa t-tmexxija tal-gvern. “Events dear boy, events,” wieġeb Macmillan (“ Il-ġrajjiet, għażiż ibni, il-ġrajjiet (li jistgħu jinqalgħu)”)

U filfatt, Macmillan kellu jirriżenja snin wara meta qam l-iskandlu ta’ wieħed
mill-ministri tiegħu li gideb lill-Parlament dwar kemm kien qrib personalment ta’ spjun Sovjetiku.

Fix-xhur li ġejjin, x’aktarx li numru ta’ gvernijiet fl-Ewropa se jsibu ruħhom affettwati bil-kbir mill-“events” li rrefera għalihom, ilu ħafna, Macmillan.

GORBAĊOV

Il-mewt ta’ Gorbaċov xegħlet mewġa mifruxa ta’ ħsibijiet, apprezzamenti u
analiżi mad-dinja kollha. Jeżisti qbil ġenerali li l-ħidma riformistika tiegħu kienet fattur qawwi fil-kollass tal-Unjoni Sovjetika u tas-sistema ta’ tmexxija tagħha.

Għal min din kienet ħaġa tajba, Gorbaċov hu eroj. Biss hu nnifsu ma kienx qed jimmira għal dar-riżultat.

Anke dawk li jarawh bħala diżastru storiku (fosthom il-President Putin) jevitaw li jqisu jekk l-Unjoni Sovjetika, kieku baqgħet sejra kif sabha Gorbaċov, kinitx se
tibqa’ vijabbli. Il-konklużjoni tiegħu kienet ċara: le. U biex tibqa’ vijabbli, ħteġilha iddaħħal trasparenza sħiħa fit-tmexxija, tiddemokratizza l-istrutturi tagħha u tilliberalizza r-rabtiet stretti li kellha fuq kull livell mal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant.

Li x’aktarx Gorbaċov ma kkalkolax tajjeb biżżejjed kien dwar it-tensjonijiet enormi u konfliġġenti fl-Unjoni li dawn il-bidliet se joħolqu — min-naħa l-forzi u l-interessi
“antiki” li rreżistew il-bidliet imdaħħla; u mill-oħra, il-kurrenti nazzjonalisti fir-repubbliki parti mill-Unjoni li raw f’li qed jiġri opportunità għal indipendenza mir-Russja.

Bħal dejjem, id-dilemma quddiem min irid jirriforma titqies hekk: X’jiġri jekk ma jsir xejn? X’jiġri jekk ir-riformi ma jilħqux il-miri tagħhom?

Sport