Tuesday, December 24, 2024

“L-għajnuna lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli titrippla, passi pożittivi fuq l-adattament imma hemm bżonn aktar fejn tidħol il-mitigazzjoni” – il-Ministru Miriam Dalli

Aqra wkoll

“Sodisfatti li wara ġimagħtejn twal ta’ diskussjonijiet u negozjati, u wara li kien hemm il-biża’ li mhu se jintlaħaq l-ebda ftehim, sforz finali wassal biex jintlaħaq qbil bejn il-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar inizjattivi globali li għandhom jindirizzaw l-azzjoni klimatika.” Din kienet ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli li kienet ukoll parti mit-tim ta’ negozjaturi għall-ftehim finali.

Dan il-ftehim ifisser it-tripplikazzjoni ta’ finanzjament lejn il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Minn $100 biljun fis-sena, dan il-fond issa tela’ għal $300 biljun sal-2035.

Il-Ministru Dalli qalet li, “Dan il-COP iffoka b’mod partikolari fuq il-finanzjament li għandu jingħata ta’ kull sena lill-pajjiżi l-aktar vulnerabbli biex jilqgħu għall-impatt tat-tibdil fil-klima. Malta kienet fost il-pajjiżi li nsistew li filwaqt li hemm bżonn ta’ aktar finanzjament, għandu jkun hemm aktar pajjiżi li jikkontribwixxu għal dan il-fond li għandu jkun magħmul sew minn fondi pubbliċi u anke mill-privat.”

Dwar id-dikjarazzjoni fuq il-mira globali fuq l-adattament, li tiegħu l-Ministru Miriam Dalli kienet negozjatur f’isem l-Unjoni Ewropea flimkien mal-ministru tal-Awstrija, intlaħaq ftehim li hu meqjus bħala pożizzjoni komuni li jħejji x-xogħol għax-xhur li ġejjin biex ikun hemm aktar diskussjonijiet fil-konferenza klimatika tas-sena d-dieħla fil-Brażil. Madanakollu fuq l-aspett tal-mitigazzjoni, jiġifieri l-inizjattivi li jistgħu jwasslu biex verament jonqsu l-emissjonijiet, ftit li xejn kien hemm progress.

“Hu ta’ sodisfazzjon li lħaqna ftehim b’saħħtu fuq l-aspett tal-adattament, u l-miri globali biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jadattaw għat-tibdil fil-klima, madanakollu kien evidenti li ftit li xejn kien hemm aptit minn ċerti pajjiżi biex idaħħlu inizjattivi li jistgħu verament jgħinu l-aspett tal-mitigazzjoni u allura kif se jonqsu l-emissjonijiet,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. Dan hekk kif għad fadal ħafna pajjiżi li għadhom jiddependu fuq il-faħam u ż-żejt, bħall-Heavy Fuel Oil, biex jipproduċu l-enerġija tagħhom.

Matul din il-konferenza tal-klima, Malta kienet irrappreżentata f’diversi fora u ressqet ’il quddiem numru ta’ inizjattivi innovattivi fosthom ix-xogħol li qed isir fil-produzzjoni aktar effiċjenti tal-ilma, fil-produzzjoni tan-New Water, ix-xogħol li qed isir fuq finanzjament innovattiv favur proġetti ambjentali, ix-xogħol li qed isir għal sors ta’ enerġija iktar nadifa minn teknoloġiji rinnovabbli li ġejjin mir-riħ u x-xemx fl-ibħra tagħna, ix-xogħol li għaddej fuq l-iżvilupp ta’ indiċi ta’ vulnerabilità klimatika u x-xogħol li għaddej wara t-twaqqif tal-Climate Action Authority.

Ekonomija

Sport