L-għajnuna tagħkom u tal-Gvern ta’ Malta sabiex Sandro jieħu ċans ieħor għall-ħajja ser tkun qed titwettaq fil-jiem li ġejjin. Wara ġimgħat fejn Sandro kien qed jiġi trattat għal infezzjoni li żviluppatlu – issa t-tim tal-Mater Dei rnexxielu jgħinu sabiex jirkupra u jkun f’kundizzjoni stabbli biex ikun jista’ jivvjaġġa għall-kura.
Dan iddikjaratu Abigail Bog, fejn kompliet tispjega li; “minkejja li l-kuntatt tagħna għat-trial mal-National University Hospital ta’ Singapore kien avvanza sew u Sandro kien ġie onboarded minn din l-istituzzjoni – irriżulta li l-firxa sħiħa tat-trattament u l-hospital fees kienu ser jitilgħu għal ammont ferm akbar mill-€500,000 li kien ikkomunikat lilna fil-kuntatt inizjali mal-isptar. Minkejja l-appoġġ kollu li rċevejna kemm mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, id-dipartiment tal-Consular Services u anki l-konslu ta’ Malta f’Singapore – iddecidejna li din it-triq ma kinitx aktar realistika”
Kompliet tgħid li; “Madanakollu, b’iktar riċerka u għajnuna kemm mill-Acute Leukemia Advocacy Network issa Sandro ġie aċċettat għal trial fiċ-Ċina li jitqabbel tajjeb ma’ dak li kien ser jingħata f’Singapore”
Borg qalet ukoll; ” B’tama qawwija issa lesti sabiex Sandro, il-ġimgħa d-dieħla, ikun jista’ jivvjaġġa b’air ambulance lejn Beijing fejn ser ikun jista’ jingħata din il-kura li hija ċ-ċans li għandu bżonn għall-fejqan u l-ħajja”
Tenniet tgħid; “Mil-ġdid, f’isem Sandro u l-familja tagħna, nixtieq nirringrazzja lil kull minn ikkontribwixxa fil-crowdfunding. Grazzi wkoll lill-Prim Ministru, lill-Ministeru tas-Saħħa, lill-Komunità Malta u lil kull min talab għalina u għinna b’xi mod jew ieħor, talli qed tagħtu lil Sandro l-akbar ċans li jista’ jieħu biex ifieq u jgawdi lill-uliedu. Se nibqgħu ninfurmawkom b’kull pass li nkunu qed nieħdu”



