Thursday, April 18, 2024

L-Għana Folkloristika Maltija titpoġġa fuq il-Lista tal-Wirt Kulturali tal-Umanità

Aqra wkoll

Waqt is-16-il laqgħa tal-Kumitat Intergovernattiv tal-UNESCO li qiegħda ssir f’Pariġi, ġiet approvata b’mod unanimu l-applikazzjoni ta’ Malta biex l-Għana Folkloristika Maltija titpoġġa fuq il-Lista tal-Wirt Kulturali tal-Umanità.

Dan hu t-tieni element tal-wirt kulturali intaġibbli Malti li qed jikseb dan l-għarfien internazzjonali u qed ikun iskritt fuq il-Lista tal-Wirt Kulturali tal-Umanità billi s-sena l-oħra, il-mod kif issir il-Ftira Maltija kisbet ukoll dan l-għarfien mill-UNESCO.

F’kumment lill-Assemblea, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera rringrazzja lill-UNESCO, il-kumitat tal-evalwazzjoni, u l-pajjiżi fi ħdan din l-għaqda internazzjonali talli laqgħu t-talba ta’ pajjiżna biex l-Għana Folkloristika Maltija tiġi rikonoxxuta wkoll fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru Herrera stqarr li dan hu unur għall-poplu Malti u Għawdxi kollu li għaqda internazzjonali bħalma hi l-UNESCO tkompli tirrikonoxxi l-wirt kulturali kbir li għandu pajjiżna, kif ukoll unur kbir għall-għannejja kollha, għall-kitarristi u dawk kollha li jħobbu l-għana li jżommu dan il-Wirt Kulturali ħaj.  Il-Ministru Herrera żied jgħid li dan il-privileġġ qed ikompli jpoġġi aktar responsabbiltà fuqna lkoll sabiex nassiguraw li dawn it-tradizzjonijiet jibqgħu jitgawdew għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Ekonomija

Sport